Sunday, November 24, 2024

“Tal-mistħija li hemm min qed jipprova jinstiga azzjoni kriminali fuq każ ġenwin sempliċiment għax hu missieri”

Il-President tal-PL tiċċara dwar l-allegazzjonijiet fuq missierha

Aqra wkoll

“Ma jien se nħalli lil ebda persuna tattakka lili jew lill-familja tiegħi billi juża lill-missieri li ma għandux l-abbiltà li jwieġeb pubblikament.” Iddikjarat dan il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard hekk kif kompliet biex tikteb dwar klikka ta’ ħażen li lesta tuża każ ġenwin ta’ missierha għal skopijiet partiġjani u għall-unika raġuni li hi bintu u għandha rwol politiku. 

Filwaqt li kompliet biex tiċċara l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ missierha hija ċaħdithom kategorikament. Kompliet biex tiċċara li missierha qatt ma ħa assistenza jew pagamenti taħt benefiċċju għal diżabilità severa li huwa mertu tal-investigazzjoni li qed tissemma’. 

Żiedet li huwa kien ġie ċċertifikat taħt il-pensjoni ta’ invalidità biex jaħdem iktar minn tmien snin ilu, wara proċess mediku, u mhux ftit tas-snin ilu kif qed jissemmew fl-allegati każijiet li kien hemm fil-mezzi tax-xandir. żiedet tgħid li però l-ewwel darba li missierha ġie ċertifikat u għalhekk intitolat għall-benefiċċju kien fl-1993, meta kellha biss disa’ snin. “Qed nitkellem fuq każi li jmorru lura s-snin meta kien Pulizija u għadda minn trawmi severi, inkluż li sparaw fuqu”, kompliet Attard.

Il-President tal-PL sostniet li d-dokumenti mediċi li għandu missierha, huma ġenwini, iffirmati minn Professjonist tal-kura psikjatrika li kien imur għandu regolarment u m’għandux x’jaqsam mal-każ/każijiet li qed jissemmew fil-mezzi tax-xandir. Elaborat li l-każ tiegħu huwa każ li jaqa’ taħt ‘pensjoni ta’ invalidità’ – benefiċċju għal kollox differenti – u jmur lura snin twal u ma għandu l-ebda konnessjoni ma’ dawn il-każijiet li ssemmew fil-mezzi tax-xandir.

“Apparti hekk, jien qatt ma bgħatt lil missieri għand xi ħadd. Hu dejjem kien taħt l-attenzjoni medika tal-istess Professjonist minn snin twal ilu.

Sal-lum, ħadd ma kien implika lil missieri f’dan il-każ u lanqas ġie mitkellem mill-investigazzjonijiet li għaddejjin”, tenniet Attard filwaqt li qalet li hija tal-mistħija li hemm min qed jipprova jinstiga azzjoni kriminali fuq każ ġenwin fil-familja tagħha, sempliċiment għax hu missierha. 

Hija temmet biex tgħid li jekk mingħalihom li se jintimidawha b’dawn l-allegazzjonijiet sejrin żball u li se tkompli bil-ħidma politika tagħha.

Sport