Monday, May 13, 2024

Talab kumpens wara li nħeles mill-akkużi ta’ abbuż fuq vulnerabbli fosthom qris fil-parti privata

Aqra wkoll

Impjegat fil-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paule talab kumpens mill-Qorti ta’ €27,000 f’telf ta’ sahra fuq perjodu ta’ żmien u dan minħabba li kien trasferit minn sala minħabba allegazzjonijiet u li finalment waslu għal akkużi quddiem bord ta’ abbuż fuq persuna vulnerabbli. L-akkużi li finalment inħeles minnhom f’deċiżjoni tal-bord kienu li jiġbed in-nappy tar-resident b’mod selvaġġ u li kien joqorsu fil-parti privata. L-impjegat, wara li nħarġu l-akkużi kien ġie trasferit lejn sala oħra, f’liema sala ma kinitx issir sahra. L-impjegat sostna li tilef €27,000 u talab rimedju mill-Qorti imma dan ġie miċħud. Il-Qorti saħqet li t-trasferiment fi żmien li saru l-akkużi seħħet biex tkun żgurata l-protezzjoni ta’ residenti vulnerabbli bħala miżura ta’ prekawzjoni u mhux bħala miżura ta’ kastig.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-impjegat jaħdem bħala Nursing Aide f’San Vinċenz de Paul. Fis-6 t’Awwissu 2018 għall-ħabta tas-6.30pm SE, li għandha ħuha JE, persuna vulnerabbli resident fil-Faċilità li jbati mill-awtiżmu b’diffikultà ta’ komunikazzjoni, għamlet rapport lill-customer care office tal-Faċilità li l-impjegat, li kien allokat ma’ ħuħa, kien joqorsu fil-parti privata tiegħu filwaqt li jgħidlu kliem dispreġjattiv kif ukoll kien iweġġgħu bil-mod ġoff li kien jaġixxi meta jbiddillu n-“nappy”. SE reġgħat marret fl-uffiċju tal-customer care aktar tard fis-6.55pm sabiex tinformhom li kien hemm resident ieħor, AA, fl-istess sala li seta’ jikkonferma r-rapport tagħha. Dak il-ħin stess erba’ uffiċjali fil-Faċilità, tkellmu mar-resident l-ieħor AA li kkonferma r-rapport ta’ SE dwar ħuha u żied jgħidilhom li hemm resident ieħor li jiġi fiżikament abbużat mill-istess impjegat. Ir-resident AA ġie intervistat minn dawn l-erba’ uffiċjali li ttraskrivew dak li kien qalilhom. AA qalilhom li meta l-attur ikun ma’ JE: jiġbiddlu n-nappy b’mod selvaġġ; joqgħod jaqbadlu l-parti privata tiegħu u jgħaddilu kummenti, jsabbtu fis-sodda, jdawru bil-goff fis-sodda li jweġgħu.

Semmilhom ukoll fuq resident ieħor li l-istess impjegat jagħmillu ma’ wiċċu sanitizing liquid (alcohol) sabiex jisimgħu jitkellem ħażin. Fir-rapport tagħhom dawn l-erba’ uffiċjali kitbu illi r-resident AA li intervistaw “beda jibża’ ħafna u beda jgħid “idaħħluniex f’inkwiet miegħu għax nibża’ għax jasal.”

Ġara li dan l-impjegat ġie trasferit mit-Taqsima Infermeristika tal-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul għat-Taqsima tas-Servizz Ġenerali tal-istess Faċilità, u dan pendenti linvestigazzjoniijiet.

B’differenza tat-taqsima minn fejn tneħħa l-impjegat, fit-taqsima li fiha ġie trasferit ma kienx hemm il-bżonn ta’ sahra.

Fit-8 t’Awissu 2018, uffiċjali kienu inkarigati mill-amministrazzjoni tal-Faċilità sabiex jifformaw Bord ta’ Investigazzjoni preliminari sabiex jiġi investigat l-allegazzjonijiet li kienu saru minn SE dwar dak li kien qiegħed jgħaddi minn ħuha. Il-Bord ta’ Investigazzjoni ikkonkluda b’rapport datat 17 ta’ Awissu tas-sena 2018 – l-impjegat m’għandux jingħata xogħol ma’ persuni vulnerabbli. 

Intqal li “b’ittra tat-23 t’Awwissu tas-sena 2018, il-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità San Vincent de Paul, l-konvenuta Dr. Josephine Cutajar informat lill-attur li kienet qed tieħu passi dixxiplinarji kontra tiegħu ai termini tar-Regolament 17 (1) tar-Regolament tal-2017 tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u takkużah: b’abbuż minn persuni vulnerabbli li kienu fdati fil-kura tiegħu, aġir immorali, indeċenti jew disonoervoli fuq il-post tax-xogħol, aġir li x’aktarx iġib telf ta’ reputazzjoni għad-dipartiment jew jagħti reputazzjoni ħażina lis-servizz pubbliku, arroganza lejn, u żebliħ ta’ residenti fdati fil-kura tiegħu; imġieba intimidatorja lejn residenti fdati fil-kura tiegħu, fastidju sesswali, u negliġenza fit-twettiq tal-pretazzjoni tad-dmirijiet jew xogħol ta’ kafkaf jew difettuż jew produzzjoni taħt l-istandards. 

F’ittra li ntbagħtet lil dan l-impjegat kien intqal li “Meta tkun constant watch fis-sala inti ta’ spiss lir-resident JE taqbadlu l-parti tiegħu, toqorsu u tgħidlu dan minn fejn ġibtu; Li meta inti tbiddel il-ħarqa ta’ JE inti tagħmel dan b’mod raff, u b’riżultat ta’ hekk il-pazjent jispiċċa jgħajjat bl-uġiegħ. Barra minn hekk inti tagħmel l-alcohol ma’ wiċċ resident ieħor, sempliċiment biex tisimgħu jidgħi. Għaldaqstant int qed tiġi akkużat: b’abbuż minn persuni vulnerabbli li kienu fdati fil-kura tiegħek, aġir immorali, indeċenti jew disonorevoli fuq il-post tax-xogħol, aġir li x’aktarx iġib telf ta’ reputazzjoni għad-dipartiment jew jagħti reputazzjoni ħażina lis-servizz pubbliku, arroganza lejn, u żebliħ ta’ residenti fdati fil-kura tiegħek, imġieba intimidatorja lejn residenti fdati fil-kura tiegħek, fastidju sesswali, negliġenza fit-twettiq tal-prestazzjoni tad-dmirijiet jew xogħol ta’ kafkaf jew difettuż jew produzzjoni taħt l-istandards.

L-impjegat kien ingħata għaxart ijiem sabiex jibgħat “ir-raġunijiet li bihom tħoss li m’intix ħati ta’ dan ir-reat”. Wara li sema’ diversi xhieda l-Bord ta’ Dixxiplina ħareġ deċiżżjoni fit-13 ta’ Awwissu tas-sena 2019 li permezz tagħha iddeċieda li l-impjegat ma jistax jinstab ħati għax l-allegazzjonijiet ma setgħux ikunu korrobarati b’xhieda oħra.

F’Settembru tas-sena. 2019 l-impjegat ġie trasferit lura bħala Nurse Aide u ingħata lallowances tal-kategorija A li tilef fil-perjodu li kien fit-Taqsima tas-Servizz Ġenerali. L-impjegat fetaħ kawża u allega li l-aġir fil-konfront tiegħu kien abbużiv u irregolari bi ksur tal-Artikolu u talab id-danni fl-ammont ta’ €27,257.00 rappreżentanti t-telf finanzjarju li ġarrab fil-perijodu li dam trasferit f’taqsima oħra.

Kienet xehdet iċ-Chief Nursing Manager ġewwa San Vinċenz u spjegat li huma jkollhom nies li jkunu fuq roster fejn il-ħaddiema li jkunu off duty jistgħu jidħlu jaħdmu overtime wara li dawn ikunu taw iddisponibbilita

tagħhom lill-uffiċċju. Ix-xhud spjegat li jekk m’hemmx overtime il-ħaddiem li rreġistra sabiex jaħdem overtime mhux ser jiddaħħal xogħol. Ix-xhud spjegat ukoll li l-ħaddiema jiddaħlu overtime meta lkuntrattur

ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi l-ħaddiema minn tiegħu. Qalet li meta l-kuntrattur jipprovdi l-ħaddiema kollha hu, mhux qed jiddaħħlu nies bis-sahra u din tapplika wkoll għal dan il-ħaddiem. Saħqet li l-impjegat kien qiegħed jissejjaħ sabiex jagħmel l-overtime bħal kull impjegat ieħor.

Il-Qorti qalet li l-impjegat ma ppreżenta l-ebda prova li turi li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma setax jitwaqqaf minn Dr Josianne Cutajar għax ma kellhiex is-setgħa li tagħmel hekk. Il-Qorti qalet ukoll li l-impjegat naqas għal darb’oħra milli jindika liema huwa dak il-prinċipju jew dawk il-prinċipji ta’ ġustizzja naturali li ma ġewx osservati. Il-Qorti qalet li l-impjegat issottometta fil-paragrafu 14 tar-rikors ġuramentat li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma kellux jitwaqqaf għax mill-evidenza miġbura mit-tabib kien ġie rapportat li ma kien sab l-ebda sinjal t’abbuż. Din il-Qorti ma taqbilx ma’ din il-premessa. L-eżami mediku mit-tabib fi żmien siegħa minn meta daħal ir-rapport sar fit-termini tar-regolament. Il-fatt li tabib ma jsibx marki viżibbli fuq il-persuna mhux neċessarjament ifisser li ma jkun sar l-ebda abbuż. Inoltre ir-rapport li kien sar mal-customer care office fil-konfront tal-attur kien dwar allegazzjoni. ta’ aġir li mhux neċessarjament iħalli marki viżibbli fuq il-vittma.

Il-Qorti tgħid li l-impjegat ilmenta li kien ġie trasferit meta ma kienx hemm raġuni għal dan. Il-Qorti tgħid li l-impjegat mhux korrett. Għall-kuntrarju jirriżulta ampjament li t-traferiment temporanju tal-impjegat mhux biss sar fit-termini tar-regolamenti applikabbli fuq ċitati iżda jirriżulta ampjament ukoll li sar għal għanijiet xierqa u fuq konsiderazzjonijiet rilevanti bl-iskop li pendenti l-investigazzjoni u eventwali proċeduri ta’ dixxiplina tingħata attenzjoni massima l-protezzjoni ta’ residenti vulnerabbli bħala miżura ta’ prekawzjoni u mhux bħala miżura ta’ kastig.

Din il-Qorti għalhekk issib li taħt din il-kappa l-impjegat ma seħħlux jipprova li l-egħmil amministrattiv tal-konvenuti jikkostitwixxi abbuż tas-setgħa tal-awtorità pubblika tagħhom billi jirriżulta illi sew il-ħatra tal-Bord ta’ Investigazzjoni preliminari, sew il-ħatra tal-Bord ta’ Dixxiplina kif ukoll it-trasferiment temporanju tal-attur saru kollha għal għanijiet xierqa u fuq konsiderazzjonijiet rilevanti.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha tal-impjegat.

Sport