Sunday, December 22, 2024

Talba biex il-prezz tal-elettriku jiġi separat minn dak tal-gass biex l-EU tevita “xtiewi terribbli”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Enerġija tal-Belġju wissa li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li se jaffaċċjaw minn “ħamsa sa għaxar” xtiewi “terribbli” jekk ma jsir xejn biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-gass naturali.

F’dan ir-rigward, fl-aħħar xhur komplew jiżdiedu sejħiet għal-limitu massimu fuq il-prezz tal-gass għall-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea u l-bżonn li dan ikun separat mill-prezz tal-elettriku.

L-istati tal-Unjoni Ewropea ilhom jissieltu ma’ żidiet kbar fil-prezz tal-enerġija minn meta  ir-Russja – bħala l-fornitur ewlieni tal-gass – invadiet l-Ukrajna fi Frar u ġew introdotti numru ta’ sanzjonijiet. Permezz ta’ dawn is-sanzjonijiet, pajjiżi li qed jappoġġjaw lill-Ukrajna qed jippruvaw inaqqsu l-importazzjonijiet tal-gass u ż-żejt Russu.

Min-naħa tagħha r-Russja llimitat il-provvista tagħha meta mqabbel mas-sena l-oħra fejn skont rapporti forniet lill-Unjoni Ewropea b’40 fil-mija tal-provvista.

Il-Ministru tal-Enerġija Belġjan Tinne Van der Straeten kitbet fuq Twitter li l-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa jeħtieġ li jiġu ffriżati b’urġenza, u żiedet li r-rabta bejn il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku kienet artifiċjali u jeħtieġ li tiġi riformata.

Il-gass huwa sors ewlieni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u dan qiegħed ikompli jwassal għal biex l-prezzijiet li fl-aħħar jiem laħqu livelli rekord f’diversi pajjiżi fl-UE. 

Fil-Ġermanja, il-kuntratt tal-elettriku għal sena bil-quddiem laħaq id-€995 għal kull megawatt fis-siegħa, filwaqt li fi Franza żdied għal €1,130 fuq l-istess kwantità. Dan jirrappreżenta żieda ta’ aktar minn għaxar darbiet fiż-żewġ pajjiżi meta kkumparat mas-sena li għaddiet.

“Irridu nwaqqfu dan il-ġenn li qed iseħħ bħalissa fis-swieq tal-enerġija,” qal il-Kanċillier tal-Awstrija Karl Nehammer filwaqt li sostna li l-prezzijiet tal-elettriku jridu jorħsu kemm jista’ jkun malajr.

Ekonomija

Sport