Kompliet il-kumpilazzjoni tal-proċeduri fil-konfront ta’ Kenneth u Kevin Deguara, il-kumpanija DF Advocates, Deborah Chappell u Jean Carl Farrugia, akkużati bi frodi u ħasil tal-flus b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Għall-ewwel darba minn meta bdew il-proċeduri, id-diviża ressqet talba formali sabiex il-qorti tirrevoka l-konferma tal-ħatra tal-espert Jeremy Harbinson.
Matul is-seduta nhar l-Erbgħa, il-prosekuzzjoni sostniet li qed tagħmel kull sforz possibbli sabiex issib lil Harbinson u tassigura li huwa jixhed fil-kapaċità li fiha kien maħtur mill-maġistrat inkwerenti.
Madanakollu, l-avukat tad-diviża Franco Debono argumenta li l-proċeduri ilhom għaddejjin sena, u fakkar li kienet il-Maġistrat inkwerenti Gabriella Vella li kienet ordnat li Harbinson jinġieb b’dan il-mod sabiex jagħti x-xhieda tiegħu.
L-avukat sostna li minkejja t-tentattivi kollha li saru biex jinstab Harbinson, is-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx, filwaqt li fakkar li hemm ukoll ordni ta’ friżar fis-seħħ. Huwa għalhekk talab lill-qorti biex tirrevoka l-konferma tan-nomina tal-espert fil-bidu tal-proċeduri għall-ewwel darba.
“Dawn huma sitwazzjonijiet li jiġru meta jkollok bniedem b’akkużi kriminali li qed jaħrab mill-ġustizzja,” qal l-avukat.
Huwa żied li l-messaġġ ta’ Harbinson kien ċar: “ma jridx jersaq l’hawn.” Skont id-diviża, il-qorti ilha sena taf li Harbinson iddikjara taħt ġurament li ma jridx ikollu x’jaqsam ma’ dawn il-proċeduri. Intqal ukoll li huwa għalaq il-kumpaniji tiegħu u għosfor.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba, filwaqt li sostniet li r-revoka tal-espert tista’ tiġi interpretata bħala forma ta’ rekuża, li tista’ tkun ta’ detriment għall-proċeduri.
Matul is-seduta xehed ukoll is-Supretendent Mario Cuschieri fejn spjega li l-awtoritajiet qed jippruvaw jillokalizzaw lil Harbinson permezz ta’ “blue diffusion” tal-Interpol li tintbagħat lil 196 pajjiż.
Ix-xhud qal li l-iskop ta’ din id-diffusion huwa li jiġu lokalizzati persuni mfittxija mill-awtoritajiet. Jekk Harbinson jinstab f’pajjiż fejn l-informazzjoni tista’ tiġi kondiviża, l-awtoritajiet jinfurmaw lill-prosekuzzjoni. Jekk le, ikun hemm bżonn ta’ talba għall-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-pajjiż konċernat.
Waqt il-kontro-eżami, is-Supretendent ikkonferma li dan huwa l-ewwel pass biex jiġi stabbilit fejn jinsab Harbinson. Huwa spjega wkoll li mingħajr il-kunsens tad-“data owner”, l-awtorità tal-pajjiż fejn jista’ jinstab trid tippermetti li l-informazzjoni tiġi mxerrda.
F’punt minnhom, waqt il-kontro-eżami, tqajmet ukoll il-mistoqsija ironika jekk tfittxija għal Harbinson saretx anke fuq “pjaneti oħra”.
Il-każ se jkompli jinstema’ nhar l-14 ta’ April.
It-talba saret mill-avukati tad-diviża Joseph Mizzi, Franco Debono, Jonathan Thompson u Ezekiel Psaila, filwaqt li l-avukati Francesco Refalo, Shelby Aquilina u Rebekah Gatt qed imexxu l-prosekuzzjoni.

