Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonjiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, Taljan ta’ 29 sena, residenti San Pawl il-Baħar ġie arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga suspettata kokaina u kannabis, allegatament biex tkun ittraffikata.
Nhar l-Erbgħa, il-Pulizija ċċirkondaw lir-raġel f’San Pawl il-Baħar. Fi tfittxija li saret f’residenza u f’garaxx fl-istess lokalità u aktar tard f’garaxx fl-Imsida, il-Pulizija sabet madwar kilo u nofs kokaina u madwar 15-il kilo kannabis, b’valur fit-triq li jaqbeż l-€450,000. Instabu ukoll €250,000 fi flus kontanti.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi inkjesta.
Ir-raġel mistennija jitressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn bi traffikar u pussess aggravat ta’ droga, kif ukoll b’ħasil ta’ flus, illum għal ħabta tat-3.00p.m. quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello.