Manuel Bryan Melis, Taljan ta’ 27 sena li jgħix il-Ġermanja kien ikkundannat 3 snin ħabs wara li ammetta li kien wettaq hold-up fuq ħanut tal-logħob f’San Pawl il-Baħar.
Il-hold-up kien seħħ fis-16 ta’ Jannar tas-sena li għaddiet minn ħanut li jinsab fi Triq iċ-Ċern f’San Pawl il-Baħar. L-imputat kien mixli wkoll li ġarr arma mingħajr permess u li żamm mpjegat fil-ħanut kontra l-volonta tiegħu.
Melis kien akkużat ukoll li l-għada tal-hold-up kien wettaq serqa oħra din id-darba b’dannu għal persuna li kienet tinsab f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija waqt li kienu qegħdin jinvestigaw dan il-każ talbu mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tal-imputat u ġie arrestat l-Italja.
Hekk kif kien estradit lejn pajjiżna, Melis tressaq il-Qorti fejn kien wieġeb mhux ħati, iżda hekk kif bdew jinstema l-każ quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi ddeċieda li jammetti l-akkużi kollha.
Minbarra t-3 snin ħabs, il-Maġistrat Azzopardi ħareġ ordni ta’ trażżin għal 3 snin biex jipproteġi t-3 persuni li kienu fil-ħanut fil-ħin tal-hold-up.


