Sunday, June 1, 2025

Taljan jammetti li ffalsifika karta tal-identità biex iġedded l- eResidence card

Aqra wkoll

Taljan ta’ 54 sena, residenti r-Rabat Għawdex ammetta li kien iffalsifika karta tal-identità biex ikun jista’ jġedded l-eResidence card.

L-Ispettur Keith Xerri, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech kif nhar id-9 ta’ Settembru tas-sena l-oħra l-Pulizija kienu ġew informati minn Identità li kien hemm raġel suspettat li kien iffalsifika karta tal-identità Taljana biex ikun jista’ jerġa’ japplika għal eResidence card ġdida.

Fil-Qorti ta’ Għawdex, l-Ispettur qal li l-Pulizija marru immedjatament fuq il-post fejn ingħataw aktar informazzjoni dwar l-identità ta’ dan ir-raġel. Huwa ġie identifikat bħala Francesco Lo Monaco. Il-Pulizija ġew infurmati li l-falsifikazzjoni saret permezz ta’ tibdil fid-data tal-ħruġ tal-karta tal-identità Taljana billi s-sena 2013 ġiet mibdula għas-sena 2018 filwaqt li d-data ta’ skadenza nbidlet mis-sena 2023 għas-sena 2028. 

L-uffiċjali tal-eResidence Unit stqarrew li ndunaw b’dan it-tibdil peress li kellhom kopja tal-istess karta tal-identità li kienet ġiet ippreżentata mill-istess akkużat meta applika għal eResidence Permit.

Qabel ġie biex jagħti s-sentenza, il-Maġistrat Jean Paul Grech ikkunsidra li l-imputat ammetta mal-ewwel opportunità li kellu. Kien għalhekk li kkundannah 13-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport