Taljan ta’ 20 sena residenti San Ġiljan tressaq il-Qorti mixli li pprova jixtri l-alkoħol minn post ta’ divertiment f’Paceville bi flus foloz.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni immexxija mill-Ispetturi Dylan Pace u Christian Xuereb spjegat kif l-imputat ġie arrestat hekk kif il-Pulizija rċivew rapport minn sid ta’ stabbiliment li kien hemm żagħżugħ inqabad jipprova pprova iħallas għal flixkun alkohol b’karta ta’ €20 foloz.
Ingħad, li l-imputat Mattia Cammarota ġie avviċinat mill-Pulizija u li fuqu instabu mal-€180 li wkoll kienu foloz. Fi tfittxija, li għamlu fil-kamra fejn qed jgħix, sabulu mal-€1,000 imma mhux foloz.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, iż-żagħżugħ fejn ammetta u qal li jixtieq jitlob ukoll skuża lill-poplu Malti għal għemilu.
Il-prosekuzzjoni qalet li dan huwa reat gravi għax il-flus ffalsifikati jaffettwaw lill-ekonomija Maltija imma rrikonoxxiet li l-akkużat għen lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet u huwa konxju li wettaq reat gravi.
Id-difiża qalet li l-imputat ammetta mal-ewwel ċans li kellu u skuza ruħu u żiedet li għandha tingħata l-inqas piena possibbli jiġifieri sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin.
Il-Maġistrat Montebello kkundannat lil Cammartoa sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin waqt li ordnat ukoll il-konfiska tal-flus foloz.