Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Gennaro Russo, Taljan ta’ 29 sena li jinsab mixli bi traffikar u pussess aggravat ta’ droga.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tagħtu l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000.
Russo kien tressaq il-Qorti fis-17 ta’ Diċembru li għadda. Il-Pulizija kienu ċċirkondaw lir-raġel f’San Pawl il-Baħar.
Fi tfittxija li saret f’residenza u f’garaxx fl-istess lokalità u aktar tard f’garaxx fl-Imsida, il-Pulizija sabet madwar kilo u nofs kokaina u madwar 15-il kilo kannabis, b’valur fit-triq li jaqbeż l-€450,000. Instabu ukoll €250,000 fi flus kontanti.
Russo ngħata l-libertà proviżorja wara li aktar qabel kellu żewġ talbiet oħra għall-ħelsien mill-arrest miċħuda.
L-Avukati Matthew Xuereb, Alex Scerri Herrera, Franco Debono, Marion Camilleri u Roberto Spiteri dehru għal Russo.