Friday, June 13, 2025

Tallega li sfat imkaxkra u stuprata minn DJ….

Eżaminawha u ma sabu ebda vjolenza. d-DJ jgħid li l-att sesswali sar bil-kunsens

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

‘Filmati fit-triq ma jurux dan anzi jidhru ‘id f’id’….

Lejla ta’ divertiment bi tfajla Olandiża tiżfen wara d-DJ ma’ seħbitha, wasslet biex finalment hi spiċċat fl-appartament tiegħu. Hi kienet allegat li sfat imkaxkra mid-DJ li imbagħad stupraha fl-appartament tiegħu. Id-DJ jiċħad dan u waqt li jammetti li l-idea li jkollhom x’jaqsmu flimkien kienet tiegħu, kollox sar bil-kunsens. Filmati urew li ma kienx minnu li tfajla kienet imkaxkra, waqt li mill-eżamijiet forensiċi li saru fuqha irriżulta li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza. F’dan il-każ id-DJ kien instab ħati mill-ewwel Qorti iżda l-Qorti tal-Appell, iddeskriviet il-verżjonijiet bħala kuntrastanti għall-aħħar u ddikjarat li ma ssibx komfort li tikkonferma is-sentenza tal-ewwel qorti li sabet lid-DJ ħati ta’ stupru. Il-Qorti tal-Appell illiberatu minn kull ħtija.

Tallega li qabadha minn idha u ġibidha t-triq kollha sal-appartament

Il-vittma, li hi tfajla Olandiża xehdet li kienet ġiet Malta fuq internship u kienet waslet hawn nhar is-6 ta’ Settembru tas-sena 2021. Hi ltaqgħet mad-DJ l-ewwel darba nhar il-25 ta’ Settembru 2021 fi stabbiliment fejn kien jaħdem bħala DJ. Dakinhar hi kienet talbitu jdoqqilha diska u meta wara xi sagħtejn ma daqqiex, hi kienet reġgħet marret tgħidlu u hu kien qalilha li t-talba kellha ssir fuq Instagram u hi hekk għamlet. Id-DJ kien ipponta lejn ħaddejh sabiex hi tagħtih bewsa talli daqqilha d-diska u kienu skambjaw xi messaġġi fuq Instagram. Darba minnhom hija kienet marret fl-istabbiliment u hi u l-ħabiba tagħha għamlu lejl jiżfnu wara d-DJ. Konversazzjonijiet miegħu ma kienx hemm. Il-ħabiba tagħha kienet staqsiet lil wieħed mis-security sabiex jibqgħu hemm sa l-aħħar u joħorġu wara l-folla. Dan kien aċċetta u hekk kienu għamlu. Spjegat kif id-DJ kien qed jiżbarazza l-affarijiet tiegħu u għall-ħabta tat-3.10 a.m. huma ħarġu mill-istabbiliment u hu mexa warajhom.”

Kompliet tgħid li “barra ltaqgħu mal-ħbieb tagħhom. Spjegat kif id-DJ qabdilha jdejha mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn u hi qaltlu li riedet tistenna lil ħabibtha għax huma dejjem kienu jitilqu flimkien. Madandkollu hu qalilha li ma kienx hemm bżonn għax din kienet qed titkellem ma’ xi ħadd. Qalet kif hu qabadha minn idha u ġibidha t-triq kollha sa l-akkwata ta’ Burger King. Spjegat kif fit-triq iltaqgħet ma’ ħabiba tagħha u qaltilha bl-Olandiż kif ma riditx tmur miegħu. Qaltilha biex tgħinha ħalli huma jibqgħu wkoll bħala grupp. Hi għalhekk qabditilha idejha u reġgħu marru quddiem l-istabbiliment. Fil-frattemp, id-DJ baqa’ jiġbidha u ħabibtha qaltlu sabiex iħalliha bi kwieta u anke waqatilha l-pizza minn idha. Hi firditilhom anke idejhom minn ma xulxin.  Meta ħabibtha, li kienet tattendi skola magħha fl-Olanda, marret terġa’ tixtri pizza huwa reġa’ beda jiġbidha fl-istess direzzjoni li kienu marru qabel. Tgħid li hi bdiet tgħidlu li ma riditx tinfired minn ma’ sħabha u hu u jiġbidha rat lill-ħabiba oħra tagħha fejn għajtitilha għall-għajnuna iżda bl-affarijiet li kienu għaddejjin fit-triq ma tafx semgħatiex. Mxew ftit ieħor, u d-DJ qalilha biex iżżommlu l-materjal tad-DJ u qalilha sabiex itellahomlu fuq u wara tkun tista’ terġa’ tmur tiltaqa’ mal-ħbieb tagħha. Spjegat kif hu daħal minn ġo bieb blu ħdejn il-Burger King u hija telgħet tlett sulari. Waslu fejn l-appartament u hija baqgħet fid-daħla tal-bieb. L-appellant qalilha sabiex tidħol, iżda hi sostniet li riedet titlaq. Hu qalilha biex tittawwal mill-gallarija u hekk għamlet iżda wara li għamlet hekk qaltlu li jeħtieġ li hi titlaq. Tgħid li hu għamlilha sinjal b’rasu u wara qabad ibusha u jmissha. minn taħt id-dublett. 

Qalet li hi mbuttatu ftit. Qalilha sabiex tpoġġi fuq is-sodda u reġgħet qaltlu li riedet tmur. Kienu bil-wieqfa fejn is-sodda jħarsu lejn xulxin, hu għamel pass u għalhekk hi waqgħet lura għal fuq is-sodda. Dak il-ħin hija qalet li beżgħet u ppanikkjat għax ħasset li kien ser jiġri xi ħaġa li hi ma riditx. Tgħid kif id-DJ għollilha d-dublett, resqilha l-qalziet ta’ taħt u beda jmissha. Hija baqgħet liebsa kollox u ħassitha ffriżat. Bdiet tħares lejn is-saqaf qisha bla ħajja. Tgħid li hija bdiet timbuttalu idejh u rasu iżda hu baqa’ għaddej. Spjegat kif għal bidu hu niżel b’rasu u beda jippenetraha b’subgħajh. Hi bdiet tħares lejn is-saqaf u mbagħad rat li kien neża għax rat il-qalziet u l-qalziet ta’ taħt tiegħu. Hu għollilha saqajha ‘lfuq u ppenetraha bil-parti tiegħu b’mod aħrax. Spjegat kif qaltlu diversi drabi biex jieqaf u ma  waqafx. Tgħid li ma setgħet tagħmel xejn u kull ma bdiet tagħmel hu li bdiet tħares lejn is-saqaf u ħalllietu jkompli. F’waqt minnhom daqqilha l-mobile bil-basket u rrejalizzat li sħabha bdew jfittxuha. Hi wrietu l-mowbajl u qabdet il-qalziet ta’ taħt sabiex tilbsu iżda hu ried iżommu għax qalilha għoħbitu r-riħa tiegħu. Hi ma riditx u rnexxilha tieħu l-qalziet ta’ taħt u libsitu. Tgħid li hu staqsiha jekk kienux ser jerġgħu jaraw lil xulxin u hija dak il-ħin fil-paniku qaltlu sabiex jibagħtilha messaġġ. Hu qalilha li ma kienx jaf x’inhu isimha fuq Instagram u għalhekk hi bagħtitlu messaġġ dak il-ħin bil-kelma ‘hi’ sabiex titla’ fuq nett taċ-chat list.”

Qalet li sħabha rawha ħierġa mill-appartament u staqsewha fejn kienet u kienx kollox sew. Hija nfaqgħet tibki u lil sħaba qaltilhom il-kelma ‘rape’ bl-Olandiż. Hija tgħid li kull ma riedet hu li tmur id-dar. Tgħid li dan kollu sar f’madwar għoxrin minuta u minn x’ħin tefaha fuq is-sodda u qabad jagħmlilha l-affarijiet tgħid li għaddew bejn ħames  u għaxar minuti. Qalet li hi kienet ixxukjata u bdiet tibki u sħabha bdew jibku wkoll. Qabdu taxi, iżda hi ma setgħetx tpoġġi sew għax kienet muġugħa. Meta waslu l-hostel inġabru kollha fil-kamra tagħha u bdiet tara xi demm mill-parti tagħha. Spjegat kif l-għada filgħodu qalet b’dak li kien ġara lil mentors tagħha. Wara nofs inhar ċemplet ukoll lill-ġenituri tagħha sabiex tgħidilhom b’dak kollu li kien ġara u lanqas felħet tgħidilhom u kompliet tkellimhom il-ħabiba tagħha.”

Kollox sar b’mod spontanju, hu neħħilha l-qalziet ta’ taħt u hi għolliet id-dublett.

Id-DJ fix-xhieda tiegħu qal li hu twieled il-Kolombja. Mistoqsi jafx lit-tfajla wieġeb fl-affermattiv u ddiskreviha bħala tipika Olandiża. Qal li din kienet tiffrekwenta ħafna l-post fejn kien jaħdem u kienet issaqsih sabiex idoqqilha diski Olandiżi. Qal li kienet qaltlu hi stess li qiegħda hawn fuq internship. Jgħid li meta kienu jiġu jitolbuh idoqq xi diski, hu kien jgħidilhom sabiex jagħmlulu “follow’ fuq Instagram l-ewwel u hekk huma kienu jkunu kuntenti bid-diski u hu bil-followers. 

Id-DJ spjega li wara li temm xogħlu hu flimkien mat-tfajla marru fid-dar tiegħu u għamlu s-sess flimkien. Hu jgħid li l-affarijiet tad-DJ kienu miegħu u ġarrhom hu peress li huma kemm xejn delikati ma jafdahomx f’idejn ħaddiehor. Wara li għamlu s-sess tkellmu xi żewġ minuti ħdejn il-bieb u qaltlu li dak il-ħin kienu qegħdin iċemplulha l-ħbieb u li imbagħad jiltaqgħu l-ġimgħa ta’ wara. Spjega kif hi kienet trankwilla u ma bdietx tibki. Hu nnega li din f’xi ħin waqqfitu għax kieku kien jieqaf mill-ewwel. Qal li kollox sar b’mod spontanju, hu neħħilha l-qalziet ta’ taħt u hi għolliet id-dublett. Hi kienet qaltlu sabiex ma jagħmilx sess daqshekk b’saħħtu u jagħmlu iktar bil-mod.”

Qal li  l-idea li jkollhom x’jaqsmu flimkien kienet tiegħu u hi aċċettat. Spjega li mill-istabbiliment sa l-appartament huma żammu idejn xulxin. Ikkonferma li ma libisx kontraċettiv dak inhar li mar mt-tfajla u qal li din tal-aħħar ma talbitux jilbes wieħed.  Hu sostna li s-sess kien wieħed konsenswali u li kieku ma riditx tidħol fl-appartament setgħet tattira l-attenzjoni tal-Pulizija li vera kienu jinsabu viċin u anke meta kienu fl-appartament stess jekk kienet titlob għall-għajjut kienet ser tinstema’. 

Dr Mario Scerri fix-xhieda tiegħu qal dak li qaltlu tfajla u li meta din ġiet eżaminata ma kellhiex sinjali ta’ vjolenza, tbenġil jew leżjonijiet oħra. L-eżami fil-parti privata tagħha sar minnu u minn Dr Helga Consiglio u dawn ma sabux evidenza ta’ trawma kwindi ma kienx hemm evidenza ta’ penetrazzjoni sfurzata. 

Il-Qorti tgħid li hemm żewġ verżjonijiet kontrastanti

Il-Qorti qalet li “hi għandha b’żewġ verżjonijiet kuntrastanti għall-aħħar. Fuq naħa waħda għandek il-verżjoni ta’ tfajla li qed itenni li hija ma riditx ikollha x’taqsam mad-DJ u hu għalhekk stupra. Min-naħa l-oħra id-DJ mhux jinnega li hu u tfajla għamlu s-sess flimkien, iżda li dan sar b’mod konsenswali. L-ikbar sfida ta’ din il-Qorti hi li tiskopri l-verità  u dan wara tevalwa il-provi kollha. 

Il-Qorti qalet li joħroġ biċ-ċar li t-tfajla u d-DJ kienu ltaqgħu fi stabbiliment  fejn kien jaħdem. Kien hemm komunikazzjoni bejniethom permezz tal-midja soċjali u dakinhar tal-allegat akkadut hi għamlet lejl tiżfen fid-DJ booth ħdejh. Filwaqt li d-DJ qed jgħid li hu u hi mxew flimkien b’mod romantiku sal-appartament tiegħu, it-tfajla qed tgħid li d-DJ kaxkarha billi ġibidha minn idha sa l-appartament. 

Il-Qorti qalet li -tfajla tgħid li hi daħlet fl-appartament sabiex tgħinu jġorr l-apparat tad-DJ u ma kellha l-ebda ntenzjoni li jkollha x’taqsam miegħu. Id-DJ iżda jgħid li l-apparat iġorru dejjem hu u ma jafdah ma ħadd u li t-tfajla telgħet fuq miegħu b’mod volontarju. Filwaqt li hi tgħid li ma riditx tagħmel sess miegħu u bdiet twaqqfu mbagħad friżat u spiċċat tħares lejn is-saqaf, bid-DJ jgħid li kienet lejla sabiħa u li bdiet tieħu gost bis-sess u qaltlu sabiex jagħmel iktar bil-mod.  

Il-Qorti qalet li kellha ċans tara u tifli sew l-evidenza kollha mressqa u tgħid li fil-fehma tagħha it-tfajla ma kinitx imkaxkra mid-DJ  u dan għax mill-istills esebiti mill-espert Keith Cutajar, it-tfajla u d-DJ jidhru mixjin id f’id. Kieku persuna kienet qed tiġi mkaxkra kienet tidher mill-istills jew il-filmat. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li fejn kienu mexjin kien hemm ukoll preżenza tal-pulizija, u anke jekk it-tfajla ma għajtitx għall-għajnuna ċertu atteġġjament bħal tkaxkir ta’ persuna kien iqajjem suspett li jattira l-attenzjoni tal-istess Pulizija. 

It-tfajla qalet li biex jikkonvinċiha timxi miegħu talabha żżommlu xi apparat. Mill-filmat jidher li d-DJ qiegħed iġorr l-apparat hu b’basket fuq dahru u ieħor f’idu. 

Dwar l-attivitajiet sesswali, il-Qorti tgħid li tfajla qalet li d-DJ uża ċertu forza waqt is-sess u hu xehed li hi qaltlu sabiex jippenetra iktar bil-mod. Sussegwentament, it-tfajla  tgħid li kienet muġugħa u anke ħarħilha d-demm mill-parti taghha. Biss meta eżaminata mill-esperti dawn qalu li ma kelliex tbenġil jew leżjonijiet fil-parti tagħha u lanqas evidenza ta’ penetrazzjoni sfurzata. Dr Consiglio qalet illi d-demm li  seta’ kien demm li wieħed jara wara s-sess b’mod normali meta jkun jieħu kontraċettiv bhal ma kienet tieħu it-tfajla.

Intqal li meta saru t-testijiet forensiċi fuq il-qalziet ta’ taħt tat-tfajla rriżulta li kien hemm traċċi ta’ acid phosphate fil-parti ta’ ġewwa fin-nofs tal-qalziet ta’ taħt. Għalhekk skont l-ewwel qorti dan jissostanzja l-verżjoni  li l-penetrazzjoni waqfet ħesrem meta hija qamet hekk kif semgħet iċ-ċellulari jdoqq. Id-difiża hawnhekk enfasizzat fuq l-esperjenza tal-ħajja u jekk fil-verità min ikun irid jistupra lil xi ħadd jiqafx għax idoqq ċellulari. 

Il-Qorti nnutat, inkonsistenzi kemm min-naha tat-tfajla kif ukoll min-naħa tad-DJ u fakkret li hawnhekk ninsabu fil-kamp penali, iu għalhekk kwalunkwe dubju jimmerita favur l-akkużat. Din il-Qorti hija tal-fhema li l-ewwel qorti tat ħafna iktar piż għal dak li xehdu sħab it-tfajla milli dak li xehdu l-hbieb tad-DJ. Il-Qorti tinsab perplessa wkoll kif ma tressqux biex jixhdu l-mentors tat-tfajla `kif ukoll il-group chat tat-tfajla u sħabha fejn allegatament waħda minnhom kienet bagħtet tgħid li t-tfajla ma riditx tmur mad-DJ. 

Il-Qorti qalet li t-tfajla tenniet kemm kienet diffiċli għaliha li tmur mal-Pulizija sabiex turihom fejn kien jinsab l-appartament fejn allegatament sar l-istupru. Madankollu, qalet il-Qorti li jirriżulta li sa minn l-għada li ghamlet ir-rapport kontra id-DJ,  reġgħet marret fl-istess post li jahdem hu. Baqgħet tiffrekwenta l-post ma’ sħabha, fejn saħansitra wieħed mix-xhieda jgħid li raha għal madwar sitt darbiet żgur. Riżultat ta’ dawn id-diverġenzi u dubji serji, din il-Qorti, abbażi tal-provi prodotti, ma ssibx komfort li tikkonferma is-sentenza tal-ewwel qorti u ssib lid-DJ ħati ta’ stupru. 

Konsegwentament, tirrevoka is-sentenza tal-ewwel Qorti in kwantu sabet lid-DJ ħati tal-ewwel imputazzjoni u minflok tilliberah minn kull ħtija u piena. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport