Friday, May 3, 2024

Tama f’adozzjonijiet ta’ tfal Maltin

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fost ħaddiema soċjali li jaħdmu mill-qrib ma’ koppji li adottaw it-tfal hemm sens ta’ tama għall-fatt li bil-mod il-mod qiegħda tintgħeleb il-problema tan-nuqqas ta’ adozzjonijiet ta’ tfal Maltin. Għal ammont ta’ snin u minħabba għadd ta’ raġunijiet fosthom għax Malta pajjiż żgħir u ‘kulħadd jaf lil xulxin’, il-parti l-kbira tal-koppji meta jadottaw biex jħarsu lejn barra minn xtutna. Għal xi żmien kienu popolari ferm ir-Russja u l-Etjopja iżda llum minn dawn il-pajjiżi tista’ tgħid li waqfu għal kollox l-adozzjonijiet. Ix-xejra  madwar id-dinja hi li l-adozzjonijiet minn pajjiżi barranin qegħdin jonqsu drastikament u dan minħabba li qiegħda tiġi imbuttata l-idea li l-adozzjonijiet isiru fl-istess pajjiż biex it-tfal jibqgħu f’dak il-pajjiż. Proprju fl-aħħar xhur kien hemm tlett adozzjonijiet ta’ koppji Maltin li adottaw tfal Maltin u kollox qed jindika li fix-xhur li ġejjin se jkun hemm aktar adozzjonijiet.

Ħaddiema soċjali li tkellmet ma’ IT-TORĊA qalet li “kien hemm żmien meta ma kienx ikun hemm adozzjonijiet ta’ tfal Maltin. Kienu saru interventi u inizjattivi bl-għan li l-adozzjonijiet ta’ tfal Maltin minn koppji Maltin jiżdied, iżda dawn ma ħallewx il-frott mixtieq. Issa qegħdin naraw ċaqlieqa u jidher li hemm interess għal aktar adozzjonijiet minn Malta. Fl-aħħar xhur kien hemm tlett adozzjonijiet u dan hu inkoraġġanti ħafna”.

Mistoqsija dwar il-fatt li tlett każi ħdejn l-ammont adottati minn barra minn Malta hu wieħed baxx, l-istess ħaddiema soċjali qaltilna li “ma tridx tħares lejn in-numru waħdu. Trid tara f’liema pożizzjoni konna. Kellna sitwazzjoni li l-adozzjonijiet minn Malta tista’ tgħid li  kienu baxxi ħafna fejn fi snin partikolari lanqas biss samet adozzjoni waħda. Il-koppji kienu jippreferu jħarsu lbarra, ankę jekk iħallsu flejjes mhux żgħar  u ma jadottawx minn hawn. Kienu jagħmlu dan minħabba diversi raġunijiet”.

Il-ħaddiema soċjali qaltilna li “xi ħaġa li qegħdin nieħdu l-frott tagħha hi d-deċiżjoni li jitnaqqas għal 5 snin il-perjodu li fih tfal fostered ikunu jistgħu jiġu adottati. Qabel kienet perjodu ta’ għaxar snin. Issa f’ċerti każi tista’ anke tinżel inqas minn ħames snin. Din qiegħda tgħin biex iċċaqilqu l-adozzjonijiet minn Malta. Jidher ukoll li hemm Interess minn għadd ta’ koppji biex jagħmlu dan il-pass fix-xhur li ġejjin”.

Irid jingħad li bejn is-sena 2018 u s-sena 2022 saru xejn inqas minn 197 adozzjoni minn familji Maltin u Għawdxin.  Il-parti l-kbira tal-adozzjonijiet saru mill-Indja b’total ta’ 147 tfal. Wara kien hemm il-Portugall b’24 adozzjoni. Fl-aħħar ħames snin saru wkoll disa’ adozzjonijiet ta’ tfal Maltin f’Malta stess.  

Is-sena 2022 kienet l-aktar sena li matulha saru adozzjonijiet, b’total ta’ 64. Issegwi warajha l-2018, bi 52 adozzjoni. Is-snin 2020 u l-2021 kienu l-inqas sentejn fl-aħħar ħames snin li matulhom saru adozzjonijiet.  

Sport