Sunday, November 24, 2024

Tama li l-imblokk tal-qamħ Ukren jitneħħa fi ftit jiem oħra

Aqra wkoll

Id-diskussjonijiet bil-għan li jieqaf l-imblokk tal-esportazzjoni tal-qamħ Ukren mill-qawwa navali Russa jidher li għamlu passi pożittivi ħafna. 

Ħabbar dan il-Ministru tad-Difiża tat-Turkija Hulusi Akar fejn dan qal li ż-żewġ naħat qablu dwar passaġġ sigur għat-trasport bil-baħar tal-qamħ li hemm mabud fiż-żona tal-Baħar l-Iswed. Huwa tenna li dan il-ftehim mistenni li jiġi ffirmat il-ġimgħa li ġejja, hekk kif se jkunu qed isiru iktar diskussjonijiet fit-Turkija. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres qal li dan kien “pass kruċjali ħafna” filwaqt li tenna li hemm bżonn isir iktar xogħol biex il-ftehim jiġi ffinalizzat. Guterres saħaq li biex dan jiġi milħuq, jeħtieġ li jkun hemm rieda tajba u impenn mill-partijiet kollha involuti. 

Din l-aħbar niżlet tajjeb ħafna fost il-komunità internazzjonali hekk kif l-imblokk tal-esportazzjoni tal-qamħ qiegħed ipoġġi lil miljuni ta’ persuni madwar id-dinja f’riskju ta’ ġuħ.

Minn kemm ilha li bdiet il-gwerra, l-esportazzjoni ta’ qamħ mill-Ukrajna naqset drastikament u dan hekk kif Kiev kellha tibda tesporta permezz ta’ trakkijiet u ferroviji u mhux bil-baħar. Hu smat li matul il-gwerra l-esportazzjoni ta’ qamħ kull xahar niżlet għal 2.5 miljun tunellata meta qabel kienet tesporta medja ta’ tmien miljun tunellata.

Sport