Omm li qiegħda taħdem biex titfa’ warajha l-esperjenza tad-droga ngħatat sentenza sospiża u tpoġġiet taħt ordni ta’ superviżjoni wara li ammettiet l-akkużi ta’ kompliċità f’serqa minn residenza ta’ Wied il-Għajn.
Il-mara ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar tressqet il-Qorti flimkien ma’ Brooks Lia ta’ 49 sena, mixlija li kellha rwol passiv f’serqa li allegatament twettqet mill-ko-akkużat tagħha.
Il-każ seħħ nhar it-28 ta’ Settembru li għadda, meta l-mara, li isimha mhux jixxandar biex ikunu ssalvagwardjati l-identità ta’ wliedha minuri, kienet qiegħda tagħmel xogħol ta’ tindif fi blokka ta’ appartamenti.
Il-ħabib tagħha, li kien qed jagħtiha daqqa t’id, allegatament daħal f’residenza u seraq flus kontanti, arloġġi, ġojjellerija u anke sett tat-televiżjoni. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu biex ġew identifikati ż-żewġ suspettati u kienu arrestati.
Ir-raġel kien mixli b’serq aggravat u li kiser il-libertà proviżorja li ngħata f’Mejju filwaqt li l-mara kienet akkużata b’kompliċità fis-serqa.
L-Avukat José Herrera, li deher għall-mara, spjega li hija kienet għenet lill-pulizija fl-investigazzjonijiet u kellha rwol “passiv” fl-allegata serqa. Qal li hija kellha trobbija diffiċli u anke problemi soċjali, iżda dan l-aħħar irnexxielha tegħleb il-problema tad-droga li kellha u anke bdiet taħdem.
Il-mara wieġbet ħatja tal-akkużi filwaqt li r-raġel wieġeb mhux ħati. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tad-Difiża u l-Prosekuzzjoni, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lill-mara ħatja u kkundannatha sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Dan filwaqt li ħarġet ordni ta’ superviżjoni sabiex il-mara tkun segwita minn uffiċjal tal-probation.
L-Avukat Mario Mifsud, li deher għal Brooks Lia, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu iżda rrimarka li kien għadu kif ġie infurmat li l-mara kienet allegatament biegħet l-oġġetti misruqa ta’ valur f’ħanut tal-ġojjellerija f’Birkirkara.
Għal din ir-raġuni, il-Prosekuzzjoni ġiet ordnata biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tinvestiga u tippreserva l-evidenza kif xieraq.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Darren Buhagiar u Darryl Farr.