Lynsey Galea Dodds ta’ 19-il sena, residenti Ta’ Sannat ammettiet quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana fil-Qorti ta’ Għawdex li kisret il-kundizzjonijiet imposti fuqha biex kienet ingħata l-ħelsien mill-arrest dwar każ ieħor.
L-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-Prosekuzzjoni spjega quddiem il-Maġistrat Sultana li Galea Dodds kellha tkun id-dar fid-9.00 p.m. kuljum bħala waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Maġistrat Jean Paul Grech fl-4 ta’ Frar li għadda.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Ħadd li għadda fil-ħin meta hi kienet suppost fid-dar tagħha kienet fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville f’San Ġiljan. Hija ġiet arrestata fuq il-post fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
L-Ispettur Xerri talab lill-Qorti biex Galea Dodds titlef il-ħelsien mill-arrest u anke l-garanzija personali li ħalset dwar il-każ li għandha għaddej quddiem il-Qorti t’Għawdex.
Meta ġiet mistoqsija xi twieġeb għall-akkużi kontriha, Galea Dodds mill-ewwel ammettiet l-akkużi.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Sultana qalet li filwaqt li tirrikonoxxi li l-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest qegħdin hemm biex jiġu rispettati, “u l-imputata mhux qed tqis bis-serjetà dawn il-kundizzjonijiet,” madankollu l-Qorti tqis li l-imputata għandha tingħata ċans ieħor.
Il-Qorti nnutat li Galea Dodds ammettiet fi stadju bikri tal-investigazzjoni kif ukoll li għandha żewġt itfal x’tieħu ħsieb.
Waqt li kienet qiegħda tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Sultana wissiet lill-imputata li jekk se terġa’ tikser xi waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqha, “se jkollha taffaċċja r-riperkussjonijiet kollha tal-aġir tagħha.”
Filwaqt li ċaħdet it-talba tal-Prosekuzzjoni li l-imputat tilef il-ħelsien mill-arrest kif ukoll il-garanzija personali, il-Qorti mmultata €500 li din għandha titnaqqas mill-ammont depożitat il-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri filwaqt li d-Difiża tmexxiet mill-Avukat Daniel Calleja.