Bronia Spiteri ta’ 45 sena residenti San Pawl il-Baħar ammettiet li serqet madwar €250 f’tips mill-kiosk Sundancer fil-Mellieħafilwaqt li Stebe Frendo ta’ 37 sena li tressaq il-Qorti dwar l-istess akkużi wieġeb mhux ħati.
Quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ fl-24 ta’ Awwissu li għadda għall-ħabta tal-11.00 p.m. meta sid il-kiosk għamlet rapport li l-vażett tat-tips kien spiċċa vojt hekk kif xi ħadd seraq il-flus minnu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ftit sigħat qabel mas-sid indunat li kien hemm il-flus mill-vażett neqsin kienu daħlu żewġ perusni li bdew jitkellmu mal-impjegat li kien fuq il-cash.
Mill-investigazzjoni rriżulta li waqt li kienet għaddejja din id-diskussjoni, il-mara ħadet il-vażett bil-flus fih, fetħithu, tefgħet il-flus fil-basket u reġgħet poġġiet il-vażett f’postu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li wara li daħal ir-rapport il-Pulizija raw il-filmati tas-sigurtà u f’dawn il-filmati dehru l-akkużati.
Intqal li wara li Spiteri ndunat li kien hemm il-kameras tas-sigurtà kienet marret tkellem lis-sid u qaltilha biex ma tagħmilx rapport lill-pulizija. Allegatament qaltilha li kien se tagħtiha €20 filwaqt li l-flus l-oħrajn kienet se tirritornhom bil-mod.
Iż-żewġ suspettati ġew arrestati aktar tard. Spiteri ammettiet l-akkużi u kkonfermat li wettqet ir-reat fi żmien li kienet għadha taħt sentenza sospiża, filwaqt li hija reċidiva.
Spiteri fil-Qorti dehret emozzjonata ħafna filwaqt li qalet li Frendo ma kellu x’jaqsam xejn mal-każ. Hija qalet li kienet diġà tkellmet mas-sid u qaltilha d-data eżatt meta se tagħtiha l-flus kollha lura.
Iżda l-Qorti wara li semgħet l-ammissjoni tagħha, ikkundannata għal sena ħabs u xahrejn ħabs oħra minħabba li kisret il-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-qorti.
Min-naħa l-oħra Frendo li wieġeb mhux ħati ġie akkużat ukoll li kisret ordni ta’ probation li għandu fuq każ ieħor.
Il-prosekuzzjoni, mexxija mill-Avukat Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Warren Galea, sostniet li billi kien diġà nstab ħati ta’ serq u kien taħt probation, dan ir-reat juri disprezz lejn l-ordni tal-qorti u li kien ovvju li kien f’komunikazzjoni mal-mara waqt is-serq.
Intqal li Frendo m’għandux indirizz fiss fejn jgħix filwaqt li bħalissa kien qiegħed jgħix ma’ Spiteri f’San Pawl il-Baħar.
L-Avukat tad-difiża, Ingrid Zammit Young, qalet li Frendo kien mar il-kiosk biex jixtri ġelat u li kien xortih ħażina li sab ruħu mal-partner tiegħu.
Hija qalet li kien saħansitra akkumpanjaha biex jiskuża ruħu mas-sid, li kieku kien ħati żgur ma kienx jagħmel dan. Hija sostniet li jkun inġust li jiċħduhlu l-ħelsien mill-arrest. Minkejja dan, il-qorti ċaħditlu l-ħelsien mill-arrest u ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-proprjetarja tal-kiosk fir-rigward tiegħu.