Żewġt irġiel ikkundannati erba’ snin ħabs kull wieħed fuq serqa bi vjolenza fuq anzjan fil-Marsa
Żewġt irġiel kienu kkundannati erba’ snin ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li wettqu serqa bi vjolenza fuq anzjan li seħħet nhar l-1 ta’ Jannar tal-2021 fil-Marsa.
Elton Brincat ta’ 43 sena u Brendan Cachia ta’ 35 sena kienu mixlija b’serq ta’ mobile minn fuq Anthony Cutajar ta’ 67 sena, liema serq huwa aggravat bil-vjolenza u l-ħin.
Brincat waħdu kien mixli wkoll li weġġa’ ħafif lill-anzjan, żammu kontra l-volontà tiegħu, li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.
Cachia waħdu kien mixli li saq vettura mingħajr liċenzja u mingħajr ma kienet koperta b’polza ta’ assigurazzjoni u li sar reċediv.
Fil-Qorti xehed il-vittma li qal li huwa kien miexi bħas-soltu fil-Marsa meta xi ħadd tah daqqa ġo dahru. Konsegwenza ta’ dan, huwa waqa’ mal-art u sema’ lil din il-persuna tgħidlu li jrid il-mobile.
“Qelibni ġejt wiċċi ‘l fuq hux. Imbagħad kelli l-mobile f’idi, ħatafuli u waqa’ mal-art. Erġajt mort biex naqbdu l-mobile, itih daqqa ta’ sieq, ġabru u telaq jiġri. Imbagħad mort dritt għall-Għassa tal-Marsa u għamilt ir-rapport.”
It-tabib li kien invistah fil-poliklinika tal-Floriana qallu li kellu ħafna tbenġil minn ġewwa. Ix-xhud kien għaraf ukoll lil Elton Brincat bħala l-persuna li aggredieh u ħadlu l-mobile dakinhar tal-inċident.
Il-Qorti nnutat li x-xhieda ta’ Cutajar kien ikkonfermat minn filmati tas-CCTV miġbura mill-pulizija. Mill-istqarrijiet taż-żewġ imputati ħareġ ukoll li dawn kienu fil-post tal-inċident u fil-fatt kien hemm kuntatt bejn Brincat u l-vittma.
Il-Qorti qalet ukoll li ma kinitx konvita mill-verżjoni tal-imputati. Dan wara li Brincat qal li huwa kulma ried kien li jagħti qatgħa lil Cutajar filwaqt li Cachia qal li ma kien jaf b’xejn la x’seta’ kienet l-intenzjoni jew x’għamel Brincat.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Qorti, irriżulta li Brincat kien dak li aggredixxa u seraq lill-anzjan mentri l-imputat l-ieħor kien kompliċi fit-twettiq ta’ dan ir-reat.
Elton Brincat instab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu, għajr dik li żamm il-vittma kontra l-volontà tiegħu, u kien ikkundannat erba’ snin ħabs u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għall-istess perjodu.
Min-naħa l-oħra, Brendan Cachia filwaqt li ma nstabx ħati li kien qed isuq vettura li ma kinitx koperta b’polza ta’ assigurazzjoni, instab ukoll ħati tal-akkużi l-oħra u kien ikkundannat erba’ snin priġunerija effettiva. Dan filwaqt li kien skwalifikat milli jikseb liċenzja tas-sewqan għall-perjodu ta’ tliet snin. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ erba’ snin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Attard.