Wednesday, April 1, 2026

Tanker tal-Kuwajt milqut minn attakk ta’ drone Iranjan f’Dubaj

Aqra wkoll

L-Iran attakka tanker li kien qed iġorr żejt mhux raffinat ’il barra minn Dubaj, filwaqt li l-President Amerikan Donald Trump wissa li l-Istati Uniti kienu se jeqirdu l-impjanti tal-enerġiija u l-bjar taż-żejt tal-Iran jekk ma jiftħux l-Istrett ta’ Hormuz.

L-attakk fuq Al-Salmi, li jtajjar il-bandiera tal-Kuwajt, huwa l-aħħar minn sensiela ta’ attakki fuq bastimenti kummerċjali pemezz ta’ missili jew drones fil-Golf Persjan u fl-Istrett ta’ Hormuz minn meta l-Istati Uniti u l-Iżrael attakkaw lill-Iran fit-28 ta’ Frar.

Il-prezz taż-żejt mhux raffinat żdied mill-ġdid wara li l-aġenzija tal-istat tal-Kuwajt irrapportat li kien seħħ l-attakk fuq it-tanker, li jista’ jġorr madwar żewġ miljun barmil żejt li jiswew aktar minn 200 miljun dollari bil-prezzijiet attwali. 

Kuwait Petroleum Corp, is-sid tal-vapur, qalet li kien għaddej xogħol biex issir evalwazzjoni tal-ħsara li saret u wissiet dwar il-possibiltà ta’ tixrid taż-żejt. Madanakollu, aktar tard, l-awtoritajiet f’Dubaj qalu li rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien wara dan l-attakk bi drone fuq it-tanker, u li ma ġew irrapportati l-ebda persuni feruti.

Fi żviluppi oħra b’rabta mal-gwerra fil-Lvant Nofsani, il-midja Iranjana lbieraħ irrapportat li nstemgħu splużjonijiet f’Tehran u anke kien hemm qtugħ ta’ dwal f’xi żoni tal-kapitali. Iżrael wettaq ukoll attakki bil-missili fuq dik li sejjaħ “infrastruttura militari f’Tehran” u infrastruttura użata mill-Hezbollah f’Beirut.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport