Fi New York, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg indirizzat il-Kunsill tas-Sigurtà f’laqgħa bit-tema ‘Women and Peace and Security’. Fid-diskors tagħha, Buttigieg tkellmet dwar l-Istrateġija u Pjan ta’Azzjoni dwar l-Ugwaljanza u l-Mainstreaming tal-Ġeneru li ġie mplimentat f’Malta ftit tax-xhur ilu, fejn l-għan tiegħu hu li jiġu integrati u indirizzati ostakli li jiffaċċjaw individwi, partikularment in-nisa.
Buttigieg semmiet ukoll il-fatt li l-Gvern daħħal diversi miżuri biex inċentiva bosta nisa sabiex jew jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew jidħlu għal-ewwel darba f’impjieg sostenibbli. Dawn il-miżuri irriżultaw f’żieda sinjifikanti fir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa matul dawn l-aħħar snin.
Is-Segretarju Parlamentari nnotat ukoll li ż-żieda ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol qed twassal ukoll biex ir-riskju li persuna tispiċċa vittma ta’ vjolenza domestika titnaqqas. Dan għaliex, meta persuna tibda taħdem, ma tibqax ekonomikament dipendenti fuq l-aggressur. L-Att dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, li ġie approvat fl-2018, għandu l-għan li jintegra u jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fil-liġi nazzjonali.
Buttigieg żiedet tgħid li l-Istrateġija Diġitali ta’ Malta u l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ħiliet elettroniċi jippromwovu opportunitajiet indaqs bejn il-ġeneri u l-inklussività diġitali. Proġetti bħal Women4IT jipprovdu kontenut ta’ taħriġ biex jgħinu lin-nisa żgħażagħ fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-ħiliet diġitali tagħhom.
Fl-aħħar tad-diskors tagħha, s-Segretarju Parlamentari appellat biex tinqered darba għal dejjem l-irwoli u strutturi strejotipiċi tal-ġeneri, biex b’hekk jkollna soċjetà fejn tassew in-nisa u l-bniet kollha jkunu jistgħu jgħixu b’mod sigur.