Tuesday, December 24, 2024

Taqqalha u abbandunaha b’tifel bi bżonnijiet speċjali… lanqas meta welldet ma kien preżenti

Il-Qorti tagħti ħasla liż-żewġ ġenituri jagħrfu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-minuri u jagħmlu kull sforz sabiex jagħtu lill-minuri l-ħajja li tixraqlu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Storja tal-qsim il-qalb li tinvolvi wild b’diżabilità wasslet biex il-Qorti ikkritikat liż-żewġ ġenituri u appellatilhom biex jagħrfu r-responsabbilitajiet tagħhom lejn il-minuri. Appellatilhom biex jagħmlu sforż biex il-minuri jingħata l-ħajja li tixraqlu. Jirriżulta li f’dan il-każ il-mara u r-raġel ma kinux miżżewġin imma kellhom relazzjoni intima u minn din ir-relazzjoni twieled tifel.  Ir-raġel abbandunat lil mara waqt it-tqala u hu ma riedx jirrikonoxxi lil ibnu, tant li l-omm kellha tagħmel proċeduri legali ibiex isiru testijiet u jkun stabbilit li hu ibnu.

Jirriżulta li minn Jannar tas-sena 2017 sa ftit ġimgħat ilu, ir-raġel taha biss  is-somma ta’ €330 permezz ta’ żewġ pagamenti ta’ €150 fil-25 ta’ Novembru 2016 u €180 fit-22 ta’ Dicembru 2016. L-omm ittalbet mar-raġel biex forsi jagħti xi ammont ieħor għall-għixien tat-tifel  iżda, għal raġunijiet li jaf hu biss, dan irrifjuta illi jgħaddi ċenteżmu ieħor. 

L-omm tgħid li tista’ tgħodd fuq subgħajha l-ġranet li fihom il-missier mar iżur lit-tifel kemm ilu li twieled. Il-minuri jbati minn aċċessjonijiet u dan wassal biex l-omm lanqas biss qiegħda f’sitwazzjoni li taħdem tant illi  kemm hi kif ukoll il-minuri qegħdin  jiddependu fuq l-għajnuna finanzjarja li qegħdin joffru l-ġenituri tal-omm. 

Il-mara u r-raġel kienu ltaqgħu fis-sena 2014, u wara relazzjoni ta’ ftit aktar minn sena, il-mara indunat li kienet tqila b’tarbija minn dan ir-raġel. Il-missier ma riedx jirrikonoxxi lit-tarbija bħala tiegħu u dan wassal biex l-omm kienet għamlet kawża ta’ paternità. Finalemnt il-missier kien ġie dikjarat bħala l-missier biologiku tat-tarbija. Dan sar permezz ta’ eżami tad-DNA tat-tifel.

L-omm tgħid li meta ħarġet tqila, ir-raġel abbandunaha għal kollox u l-anqas meta welldet ma kien preżenti. Hu kien nieqes mill-ħajja tat-tifel u qatt ma ta każ tal-bżonnijiet tal-minuri, u qatt ma ħallas xejn għall-ispejjeż tat-tifel, li twieled bi bżonnijiet speċjali. 

L-omm  tgħid li ma tistax tdem. Qabel kellha xogħol fi stabbiliment, iżda dan ix-xogħol kellha tieqaf minnu bit-twelid tat-tifel. Il-missier jallega li l-ommkellha diversi relazzjonijiet intimi ma’ persuni differenti. Jghid li tpejjep u għandha l-vizzju tad-droga, u tgħix ħajja instabbli ħafna. Il-missier jgħid  ukoll li hi tibgħat lin-nies biex iżommuh milli jara lil ibnu. Jghid li bħalissa għandha relazzjoni ma’ terz li qiegħed il-ħabs. 

Il-Qorti f’deċiżjoni li tat qalet li l-omm jinteressaha biss mill-flus li tista’ tieħu mill-missier bħala manteniment. Hi tallega li għandha ħafna bżonnijiet, li l-minuri jbati minn kundizzjoni, iżda prova waħda tal-ispejjeż li tinkorri jew tal-bżonnijiet tal-minuri ma ġabetx. Il-Qorti qalet li minn naħa tiegħu l-missier jidher li qatt ma ħa interess fit-tifel. 

Il-Qorti qalet li l-missier jiġi jgħid li l-omm hija persuna  inaffidabbli għall-aħħar u ma jagħmel assolutament xejn għal ibnu jfisser li l-missier hu komdu kif inhu. Ma jirriżultax li qatt talab li jingħata l-kura u il-kustodja hu minn flok l-omm. Il-Qorti qalet li l-unika ħaġa li għamel f’dawn is-snin kollha hu li talab għall-aċċess  fejn akkwista digriet f’dan is-sens. 

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li tispera li dawn iż-żewġ ġenituri jagħrfu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn it-tifel u jagħmlu kull sforz sabiex jagħtu lill-minuri l-ħajja li tixraqlu. 

Il-Qorti ordnat li  l-kura u il-kustodja tat-tifel ibqa’ waħda konġunta, bir-residenza  għandha tkun mal-omm, b’aċċess ampju u liberu għall-missier.  Iffissat manteniment ta’  €230 fix-xahar. 

Ekonomija

Sport