Wednesday, May 28, 2025

Taqta’ qalbek qatt anke meta taħseb li t-triq hija twila u diffiċli u agħmel ħiltek kolla biex dejjem tkun aħjar milli kont ilbieraħ – Matthew Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

L-imħabba tiegħi għall-basketball bdiet minn età żgħira ħafna ta’ madwar 6 snin fejn bdejt nilgħab il-basketball wara li kont rajt lil ħija jilgħab u bdejt nuri interess li nilgħab dan l-isport ukoll.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala assistent kowc tat-tim tan-nisa ta’ Depiro u kowċ ta’ taħt is-16-il sena, ta’ taħt id-19-il sena u ta’ taħt it-23 sena tal-istess klabb.

L-esperjenza tiegħi bħala kowċ fis-sezzjoni tal-bniet ta’ Depiro Sports Club hija waħda memorabbli fejn sena wara sena ġejt fdat bl-iżvilupp tat-tfajliet żgħar tagħna bil-għan li jilgħabu mal-kbar meta jikbru. Ninsab onorat u kburi bis suċċess ta din is-sena fejn irbaħna l-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena għat-tieni sena konsekuttiva u din is-sena mingħajr telfa waħda.

Meta nħares lejn l-esperjenza tiegħi bħala assistent kowċ  mal-kbar, m’għandi l-ebda dubju li din is-sena kienet l-aqwa waħda s’issa fejn kellna grupp ta’ plejers lesti li jiġġieldu bis-sħiħ biex niksbu l-ghan tagħna li nirbħu l-kampjonat, u fl-aħħar mill-aħħar irnexilna.

Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ sħiħ li kellna mill-klabb u l-partitarji tagħna.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Julian Naudi?

Nikkunsidrah bħala ħabib kbir tiegħi u naħseb li jien u l-kowċ Julian naħdmu tajjeb ħafna flimkien għax għandna l-istess mentalità ta’ basketball. Matul l-istaġun ħdimna flimkien kontinwament u ddiskutejna tattiċi differenti li jaqblu mal-karatteristiċi tat-tim tagħna biex niksbu l-aħjar riżultat possibbli.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat minn Depiro fil-jiem li għaddew?

Xejn sigriet, naħseb li t-‘team chemistry’ li għandhom il-plejers u r-rieda kontinwa tagħhom li jaħdmu mingħajr ma jaqtgħu qalbhom hija dik li wasslitna biex nirbħu l-kampjonat.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-basketball speċjalment fis-sezzjoni tan-nisa qed jogħla. Għad fadal ħafna xogħol xi jsir iżda hemm ukoll ħafna potenzjal speċjalment fil-plejers żgħażagħ li qed jikbru.

U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Meta nħarsu lejn ir-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu, għandna Padiljun tal-basketball ġewwa Ta’ Qali li huwa eċċellenti u training courts ta’ standards għoljin grazzi għall-ħidma kontinwa tal-MBA.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?

Se nkompli nagħti l-kontribut tiegħi bħala kowċ fejn dejjem naħdem biex nagħmel mill-aħjar li nista’ għas-suċċess tat-tim u tal-klabb.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.

Taqta’ qalbek qatt anke meta taħseb li t-triq hija twila u diffiċli u agħmel ħiltek kolla biex dejjem tkun aħjar milli kont ilbieraħ! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport