Monday, July 21, 2025

‘Taqta’ qalbek qatt, kompli agħti l-ħila kollha tiegħek u kun konsistenti f’dak li tagħmel u maż-żmien tara d-differenza’ – Matteo Martellacci

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet ta età żgħira. Ħafna minn sħabi kienu jqattgħu is-sajf in-Neptunes fejn kienu jilgħabu il-waterpolo. Jien dak iż-żmien kont għadni nilgħab il-futbol, iżda x’ħin rajt lil sħabi jilgħabu dan l-isport, ħadt interess biex nipruvah u hemmhekk beda kollox. Avolja kont għadni ġdid fl-isport, mort pjuttost tajjeb. Għamilt l-ewwel ftit snin nilgħab futbol fix-xitwa u waterpolo fis-sajf, iżda kif kbirt ftit oħra, bdejt ninduna li il-waterpolo bħala sport jaqbel iktar miegħi u jogħġobni iktar. Maż-żmien bdejt ninduna li dawn l-isports ma jmorrux flimkien u kelli nagħmel għażla u niddeċiedi liem sport kont se nkompli. Minn dakinhar ‘l hemm bdejt nilgħab il-waterpolo tul is-sena kollha.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Exiles SC sa issa.

L-esperjanza tiegħi mal-Exiles SC għinitni ħafna biex nikber u nimmatura bħala plejer. Qabel ma ngħaqadt ma’ dan il-klabb ma kontx wieħed mill-plejers bl-akbar kunfidenza fl-ilma, però kulħadd xorta waħda emmen fija mill-ewwel ġurnata. Kemm ili mal-Exiles SC għaddejt minn ħafna emozzjonijiet, mumenti ta’ ferħ kif ukoll ta’ dwejjaq. Aħna bħala tim dejjem nistinkaw biex kemm jista’ jkun nżommu uniti fi kwalunkwe mument u emozzjoni, nagħmlu ħilitna biex ngħinu lil xulxin u noħorġu l-aħjar ta’ kull plejer u b’hekk jirnexxielna negħlbu d-diffikultajiet. Kull emozzjoni u diffikulta li affaċċjajt matul l-esperjanza tiegħi mal-Exiles għenitni biex insir il-plejer li jien illum il-ġurnata, u b’hekk jien grat ħafna. Il-president Andrew Paris, il-kowċis u l-plejers kollha tul dawn is-snin dejjem tawni il-fiduċja tagħhom. Dik għalija tfisser ħafna u tgħini biex dejjem nkompli nati 100% kemm fil-logħob, kif ukoll fit-training. Nixtieq anke nuri l-gratitudni tieghi b’mod partikolari lejn il-captain Kurt Griscti, li kien hu wieħed mill-ewwel li ra l-potenzjal fija. Jiena minn dejjem kelli rispett kbir lejn Kurt, anke qabel ma bdejt nilgħab miegħu, però minn meta bdejt l-esperjenza tiegħi mal-Exiles SC komplejt nikkonferma l-irġulija tiegħu kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ilma u llum il-ġurnata nista’ ngħid li sirna ħbieb kbar. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan il-Kampjonat tas-Sajf li jinsab ghaddej ġmielu?

It-tragward fil-bidu tal-istaġun kien illi nerġgħu nitilgħu fil-Premier Division kif jistħoqlu klabb bħall-Exiles, iżda ma rridux nikkuntentaw ruħna b’daqsekk biss. Aħna irridu nuru lil kull min għandu l-iċken dubju fina li aħna verament klabb ta’ livell tal-Premier Division u li verament ħaqna nkunu fejn qiegħdin illum il-ġurnata. Ma rridux nkunu klabb li kemm jiehu sehem fil-Premier Division, imma rridu nkunu klabb kompetittiv f’dan il-kampjonat u qed naħdmu bis-saħħa kollha biex naslu għall-Play-offs u nagħtu l-aħjar li nistgħu.

Kif tqis l-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Il-livell tal-waterpolo Malti qiegħed jogħla u jitjieb sena wara l-oħra. Dan nistgħu narawh fit-tragwardi illi lħaqna bħala pajjiż f’aspett internazjonali. Meta kont għadni tifel żgħir ma kontx tisma’ b’Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Illum il-ġurnata Malta saret tikwalifika fl-Ewropej b’mod konsistenti u anke tati prestazzjonijiet tajbin kontra pajjiżi li huma magħrufin għal dan l-isport, kemm mas-Seniors kif ukoll fl-Age Groups. Ħafna żgħażagħ qegħdin jinatgħu opportunitajiet biex jagħmlu esperjenza barra minn Malta u din qed tgħinhom biex jissaħħu kemm mentalment kif ukoll fiżikament u b’riżultat il-waterpolo Malti dejjem qed jiġi iktar professjonali milli kien. Nemmen illi l-isport tal-waterpolo għandu jingħata ħafna iktar rikonoxximent għaliex ċertu tragwardi illi lħaqna f’dan l-isport ma rajnihomx fi sports oħrajn iżda xorta waħda ma tingħatax l-importanza li jistħoqqila. Jekk nkomplu nsaħħu dan l-isport f’pajjiżna nemmen illi nistgħu nilħqu tragwardi fenomenali.

U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Dan l-aħħar qegħdin naraw sforz kbir minn diversi assoċjazzjonijiet biex itejbu r-riżorsi li għandna f’pajjizna għal sports akkwatiċi. Infetħu pixxini kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex biex jiżdied l-ispazju fejn il-klabbs jistgħu jittrenjaw. Fis-sajf l-ilma tal-Pixxina Nazzjonali qed jiġi mkessaħ biex jinżamm temperatura adekwata biex tilgħab u titrenja b’iktar intensità. Madankollu xorta waħda għandna fejn nitjiebu fl-aspett ta’ riżorsi meta tikkumparana ma’ pajjiżi oħra. Hemm bżonn illi jsir ftit ħsieb ghall-ispettaturi tal-isports ukoll, għaliex bħalissa m’hemm xejn biex jilqagħlhom fil-Pixxina Nazzjonali, kemm fix-xita kif ukoll fix-xemx. Jekk nħeġġu iktar nies biex jiġu jaraw l-isport tagħna, jibda jigi iktar rikonoxxut u nkomplu nsebħu l-isport tagħna. Il-ħolma tiegħi hi li xi darba, kull klabb ikollu pixxina tiegħu biex ikun jista’ jorganizza training minajr ebda limiti ta’ ħin jew spazju u b’hekk nkomplu ntejbu il-livell tal-waterpolo Malti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Miniex wieħed illi jaħseb wisq fuq il-futur, nħobb nieħu l-affarijiet pass pass, iżda dejjem nara kif nista nisfida lili nnifsi biex nkompli nitjieb bħala plejer u nkompli nati il-massimu tiegħi fit-training u fil-logħob. Ix-xewqa tiegħi hi li xi darba jkolli ċ-ċans li ngħolli Tazza fil-Premier Division.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess mhux fil-waterpolo biss, iżda f’kwalunkwe sport huwa dan: Il-konsistenza hija kollox! Ma tistax tiddependi fuq il-burdata tiegħek jew il-motivazzjoni li jkollok, għax dawk mhumiex biżżejjed biex tara riżultati. Ħa jkun hemm mumenti fejn ma tħossokx tajjeb, fejn tħossok li mintix tirnexxi u fejn il-motivazzjoni qegħda baxxa u hemmhekk tidħol id-dixxiplina. Taqta’ qalbek qatt, kompli agħti l-ħila kollha tiegħek u kun konsistenti f’dak li tagħmel u maż-żmien tara d-differenza. Din ma tgħoddx biss ghall-isport iżda ghal kull aspett tal-ħajja!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport