Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Jien minn dejjem kont persuna sportiva u attiva fl-isport. Biss peró l-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet ftit wara l-Covid-19 fejn iddeċidejt li nitlaq nagħmel ġirja ta’ 5K. Min dak iż-żmien ‘l hawn l-atletika saret parti kbira minn ħajti. L-atletika sirt inħobbha wisq sa dħalt nistudja s-suġġett tal-kowċing l-Universitá ta’ Malta u kkwalifikajt bħala Sports Coach u ftit wara studjajt u kkwalifikajt ukoll bħala ‘fitness trainer’.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Agħtina d-dettalji kollha rigward l-aħħar tellieqa li ħadt sehem fiha, hekk kif għadek kemm tingħaqad ma’ Zurrieq Wolves.
L-aħħar tellieqa li ħadt sehem fiha kienet in-National Mountain Championship fejn klassifikajt fit-tielet post u ksibt podju ieħor fit-tellieqa ta’ Pembroke Athleta.
Is-sena d-dieħla għandi tlielaq b’distanzi varji barra minn Malta.
Din is-sena ngħaqadt ma’ Zurrieq Wolves u se tkun sena speċjali għalija għax fl-istess żmien, ingħaqdet mal-istess klabb, it-tifla tiegħi, Zoe.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Kelli suċċessi varji f’distanzi ta’ 5k, 10k u nofs maratoni fosthom podiums lokalment u ħinijiet tajbin internazjonalment.
L-iktar li għandi għal qalbi bħalissa huwa li kont l-ewwel Maltija li għalaqt is-serje tas-Super Halfs b’suċċess f’ħames tiġrijiet internazzjonali.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell qed jogħla u dak jirrifletti fir-riżultati tajbin li qed niksbu internazzjonalment. Niddiżappunta ħafna ruħi meta nara ċerti kowċis ta’ tfal li flok jgħallmuhom jipprattikaw il-good sportsmanship u li l-isport jgħaqqadhom flimkien jifridhom b’piki bejn klabbs stess. Dawn it-tfal fil-futur ħa jkunu qed jirrapreżetaw it-tim ta’ Malta flimkien.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Postijiet fejn titħarreġ ma tantx hawn u li hemm hija l-Marsa Sports Track.
Fejn jidħlu kompetizzjonijiet issib ħafna road races iżda sfortunatament hawn Malta ma nagħtuhomx importanza daqs pajjiżi oħra pereżempju bliet kbar bħal Valencia u Copehnagen, saħansitra Londra jagħlqu t-toroq u n-nies jinżlu bi ħġarhom jissapportjawk fejn hawn Malta jagħlqulek triq waħda, karozzi jpaqpqu, nies igergru u dan kollu waqt li inti tkun qed tiġri b’karozzi ħdejk.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Fil-futur nixtieq nikkwalifika għall-Maratona prestiġjuża ta’ Boston fl-Istati Uniti, inkompli naħdem bilgħaqal biex nikseb PB fil-ħinijiet tiegħi u ma jkollix xi injury fil-proċess. Nixtieq naħdem biex l-atletika f’pajjiżna tikber iktar u forsi ‘l quddiem nibda nikkowċja wkoll.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Ovvjament, dan huwa sport li inti tieħu lura skont kemm taħdem għalih. Trid tkun lest tagħmel sagrifiċċji, titħarreġ ta’ kuljum f’kull element is-sena kollha, tieħu ħsieb in-nutrizzjoni tiegħek u anke r-‘recovery’ għax dawn huma kollha fatturi għas-suċċess tiegħek. Taqta’ qalbek qatt u dawwar lilek innifsek b’nies li lesti li jissapportjawk u jħeġġuk biex tibqa’ tirnexxi!