Għawdxija ta’ 35 sena miż-Żebbuġ kienet ikkundannata tmien xhur ħabs, li ġew sospiżi għal sena peress li għad kemm kellha tarbija, wara li nstabet ħatja li għamlet rapport falz kontra l-eks-sieħeb tagħha.
Francine Cini kienet mixlija mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri li fl-1 ta’ Mejju 2018, fl-għassa tal-Pulizija tar-Rabat, bil-ħsieb li tagħmel ħsara lill-eks-sieħeb tagħha Domenic Zammut akkużatu b’reat li kienet taf li ma seħħx u li ikkaġunatlu ħsara fil-bieb tal-garaxx.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud irriżulta li fil-jum imsemmi Cini irrappurtat li Zammit kien kissrilha l-‘windscreen’ tal-vettura.
Il-Pulizija bagħtet għal Zammit u dan sostna li kienet kissret il-‘windscreen’ waqt ħabta.
Kien għalhekk li l-Pulizija bagħtet għal Cini u din baqgħet tinsisti li l-ħsara fil-karozza ma kinitx dovuta għall-inċident.
Zammit talab lill-Pulizija tinvestiga lill-eks-sieħba fuq rapport falz fejn mill-investigazzjoni rriżulta li l-ħsara kienet saret minn ġewwa.
Fitt tal-jiem wara Zammit reġa’ mar għand il-Pulizja fejn irrapporta li xi ħadd kien daħħal injama fis-serratura tal-garaxx u ippreżenta filmat ta’ CCTV camera li minnu Cini tidher tagħmel xi ħaġa fil-bieb.
Il-Maġistrat Mifsud ikkonkluda li Cini kienet konxja li l-ħsara fil-karozza kienet dovuta għal inċident u sostna li kieku saret ħsara kif allegat ma kienx ikun minn ġewwa.
Huwa għalhekk sabha ħatja tar-rapport falz imma mhux li ikkaġunat ħsara fil-proprjetża ta’ Zammit.
Meta ġie biex jagħti l-piena huwa qies li f’Ottubru li għadda l-mara kellha tarbija u għalhekk it-tmien xhur ħabs issospendihom għal sena.
Huwa ħeġġeġ liż-żewġ naħat biex ipoġġu rashom fuq għonqhom u jaraw id-differenzi ta’ bejniethom anke għax għandhom it-tfal flimkien.