Saturday, December 21, 2024

Tarbija ta’ sena vvjaġġat waħidha f’dgħajsa… tarbija oħra ta’ 11-il jum bejn sema u ilma tistenna port sigur

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat u lbieraħ li kien il-Jum Internazzjonali tal-Immigranti, xejn inqas minn 600 immigrant talbu l-għajnuna biex ikunu salvati. F’Lampedusa kien hemm kommossjoni sħiħa fost għadd ta’ voluntieri li jaħdmu qrib l-immigranti u dan hekk kif instab li tarbija li għandha biss sena vvjaġġat waħidha fuq dgħajsa ma’ immigranti oħra.

Mhux magħruf għaliex seħħ dan, għalkemm jidher li l-ġenituri tagħha ma tħallewx jivvjaġġaw ma’ dik id-dgħajsa. Fost dawk salvati hemm tarbija ta’ 11-il jum. “Dan jurik biċ-ċar kemm l-immigranti mhux siguri l-Libja. Iridu jitilqu akkost ta’ kollox. Li tagħti t-tarbija tiegħek lil persuni fuq dgħajsa biex hi tagħmel il-vjaġġ, jurik id-disprament li jinsabu fih immigranti fil-Libja”, qalilna voluntier li jaħdem ma’ organizzazzjoni volontarja.

Il-bastiment Sea Eye fl-aħħar sigħat salva 223 immigrant li kienu qrib iż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Fost dawk salvati hemm 29 mara li erba’ minnhom huma nisa tqal. Hemm ukoll tmint itfal. Wieħed mit-tfal abbord għandu waħda minn idejh miksura u oħra għandha suba’ miksur. 

L-aħħar salvataġġi fil-Mediterran twettqu minn Sea Watch, Geobarents salva 49 immigrant, l-Ocean Viking salva 114-il immigrant fejn fost dawk salvati hemm 10 nisa, 30 tfal u trabi. L-iżgħar tarbija hi ta’ 11-il jum. 

Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm żewġ traġedji oħra. Waqt operazzjoni ta’ salvataġġ qrib Lampedusa dgħajsa nqalbet u mietet immigranta. ’Il barra mit-Tuneżija għerqet dgħajsa fejn instabu żewġ katavri u erba’ immigranti ma nstabux. 

Minn dawn is-600 immigrant kien hemm ammont li kienu salvati mill-Gwardji tal-Kosta Libjani u ttieħdu lura l-Libja, azzjoni li tikser id-drittijiet ta’ dawn l-istess immigranti għax il-Libja mhix meqjusa bħala post sigur 

Ekonomija

Sport