Il-persekuzzjoni fuq il-barranin f’żoni fl-Istati Uniti, fejn bħalissa l-aktar fl-aħbarijiet hi Minneapolis, wasslet biex membri tal-ICE sparaw gass ta’ dmugħ. Dan wassal biex tarbija ta’ sitt xhur kellha tiddaħħal b’urġenza l-isptar. Din ġiet salvata b’intervent ta’ CPR.
Il-familja ta’ din it-tarbija kienet sejra lejn darha flimkien mas-sitt itfal tagħha. Ġara iżda li uffiċjali tefgħu kontenitur tal-gass tad-dmugħ taħt il-karozza tagħhom.
Destiny Jackson, ta’ 26 sena, qalet li l-familja kienet sejra d-dar bil-karozza wara li marru jaraw logħba tal-basketball tal-iskola tat-tifel. Meta kienu qegħdin jirritornaw sabu it-triq imblukkata. Għal xi raġuni intefa’ kontenitur tal-gass tad-dmugħ taħt il-karozza.
Jackson qalet li stennew sakemm l-uffiċjali għaddew minn ħdejhom, għax kienu jafu li uffiċjal spara u qatel lil Renee Good waqt li kienet fil-vettura tagħha. Qalet li wara li kien sparat il-gass, il-vettura imtliet bil-gass. Jackson qalet li wliedha kienu qed jibku u jgħajjtu li ma setgħux jieħdu n-nifs, għalhekk ġriet biex tiftaħ il-bibien u toħroġhom. Hija qalet li għajnejn binha ta’ 6 xhur kienu magħluqa u ma kienx qed jiċċaqlaq.
Kelliema mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti, qalet li l-uffiċjali kienu qed jirrispondu għal folol ta’ “irvellijiet” u ma mmirawx lill-familja Jackson jew lil uliedhom innoċenti.

