Tifel ta’ sitt xhur mill-Guinea bl-isem ta’ Joseph kien fost sitt immigranti li mietu wara li d-dinghy li kienu fuqu nqaleb waqt vjaġġ bejn l-Afrika u l-Ewropa. It-tifel kien għal ftit mumenti salvat mill-għaqda Spanjola “Open Arms” imma miet waqt li kienu qed jippruvaw jagħtuh in-nifs.
Id-dinghy b’100 immigrant abbord telaq minn Sabratha fil-Libja imma beda jitlef l-arja u wara li kien innutat minn ajruplan tal-aġenzija Ewropea Frontex tqajjem l-allarm u fuq il-post mar il-vapur tal-imsemmija għaqda Spanjola.
Riccardo Gatti, President tal-Open Arms Italja, qal li meta l-voluntieri tagħhom marru fuq il-post sabu xena drammatika b’mijiet ta’ nies fil-baħar fosthom tfal. Gatti sostna li huma talbu lill-awtoritajiet Maltin u Taljani biex jieħdu t-tarbija ħalli tingħata trattament mediku imma meta wasla lanċa tal-gwardji kostali Taljani t-tifel kien miet.
Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) fi ħdan il-Ġnus Maqgħuda matul din is-sena kien hemm mill-inqas 575 immigrant li għerqu fiċ-ċentru tal-Mediterran.