Tarbija ta’ 22 jum u ħuha ta’ 12-il sena flimkien mal-ġenituri tagħhom kienu fost seba’ persuni li nqatlu minn bombi Russi li laqtu n-naħa ta’ isfel tal-Ukrajna l-Ħadd li għadda.
Il-Ministeru tal-Intern Igor Klymenko qal li l-bombi laqtu r-residenza tal-familja tagħhom fir-raħal ta’ Shyroka Balka f’Kherson. Fost il-vittmi hemm ukoll resident ieħor li kien jgħix fl-istess villaġġ u żewġt irġiel li joqogħdu fi Stanislav.
“Dan it-terroriżmu jrid jitwaqqaf. Għandhom jitwaqqfu bil-forza,” qal Klymenko. “Ma jifhmu xejn aktar.” Qed ikun irrapportat li f’dan l-attakk weġġgħu 13-il persuna oħra.
Fl-indirizz tiegħu lin-nazzjon, il-President Ukren Volodymyr Zelensky ikkundanna dan l-attakk li ddeskrivih bħala wieħed brutali. Huwa qal: “mhux se nħallu l-ebda reati mir-Russja mingħajr risposta.
Dan l-attakk seħħ jum wara li Moska akkużat lil Kyiv b’”terroriżmu” għal dak li qalet li kien attentat ta’ attakk bil-missili fuq il-pont tal-Krimea li jgħaqqad il-peniżola mar-Russja.
L-Ukrajna ma kkonfermatx l-attakk, għalkemm Zelensky aktar qabel kien qal li l-pont jintuża bħala rotta ta’ provvista militari u huwa “mira leġittima”.