Proprju fl-aħħar jiem l-aħbarijiet internazzjonali kienu ddominati mill-fatt li l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti mmexxija minn Donald Trump kompliet għaddejja bl-impożizzjoni ta’ tariffi.
It-tariffi imposti minn Trump huma maħsubin biex jagħtu spinta lill-industriji domestiċi. Filfatt l-istess amminsitrazzjoni tal-Istati Uniti qiegħda issotni li t-tariffi se jsaħħu l-manifattura tal-Istati Uniti u dan għax bit-tariffi il-prodotti importati se jkunu aktar għaljin.
B’hekk it-tariffi iħeġġu lill-konsumaturi u n-negozji jiffavorixxu prodotti maħdumin fl-Istati Uniti. Din il-bidla tista’ twassal għal żieda fil-produzzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fi ħdan l-industriji ewlenin.
It-tariffi għandhom l-għan li jnaqqsu l-iżbilank kummerċjali. Hekk kif l-Istati Uniti bdiet tħabbar dawn it-tariffi ma naqsux l-azzjonijiet ta’ ritaljazzjoni. minn għadd ta pajjiżi.
Quddiem dak li għaddej għandna gwerra bit-tariffi. Gwerra li ma nafux fejn se twassalna. Hi gwerra li qiegħda toħloq inċertezza kbira. Hi gwerra li direttament u indirettament se toloqt lil kulħadd. L-akbar biża ta’ din il-gwerra bit-tariffi, hi l-periklu li terġa’ tgħolli rasha l-inflazzjoni. Hemm ukoll il-biża’ minn riċessjoni.
Biża’ li ġejja mill-fatt li llum l-akbar ekonomija fid-dinja qiegħda tiffaċċja taqlib kbir. Ma’ dan wieħed irid iżid li l-fiduċja tal-konsumaturi waqgħt l-aktar livell baxa mill-pandemija tal-Covid19 ‘lhawn. Qegħdin jinħarġu diversi studji li jitkellmu dwar dan. Ħareġ per eżempju li s-sentiment tal-konsumatur Amerikan niżel 11 fil-mija għal 50.9 fil-mija.
Waqt li l-fiduċja tal-konsumaturi qiegħda tonqos u dan mhux fl-Istati Uniti biss imma anke fl-Ewropa, l-aspettattivi għall-inflazzjoni żdiedu,. Ma jonqsux previżjonijiet ta’ kemm hu stmat li se tiżdied inflazzjoni fejn il-previżjonijiet qegħdin ibassru inflazzjoni ta’ bejn 5 u 7 fil-mija.b’dawk li wieġbu jindikaw li qed iħejju biex il-prezzijiet jogħlew b’madwar 7 fil-mija matul is-sena li ġejja – l-ogħla qari tal-istħarriġ dwar l-aspettattivi tal-inflazzjoni għas-sena li ġejja mis-sena 1981.
Dan kollu se jaffettwa lil pajjiżna. Se jkun hemm fejn jaffettwana direttament u fejn se jolqotna direttament. Hu minnu li r-relazzjoni kummerċjali bejn Malta u l-Istati Uniti hija relattivament limitata. Minkejja dan hu mistennia li pajjiżna jintlaqat b’impatti indiretti, partikolarment permezz tar-rispons kollettiv tal-Unjoni Ewropea u bidliet potenzjali fis-sentiment tal-investitur.
Mhemm ebda dubju li din il-gwerra kummerċjali li qiegħda taffettwa l-kunfidenza tal-konsumaturi hu mistenni li twassal biex jiġi affettwat it-turiżmu lejn pajjiżna. Filfatt diversi aġenti huma mħassbin b’dan. Għalkemm xejn mhu ċert, qiegħed jingħad li din il-gwerra kummerċjali, se taffettwa b’mod negattiv ħafna lil dawk il-pajjiżi li għandhom industrija turistika b’saħħitha.
U waqt li d-dinja kollha tista’ tgħid kienet f’inċertezza sħiħa minħabba dawn it-tariffi, l-istess Trump f’daqqa waħda ħabbar li kien se jwaqqaf għal tliet xhur it-tariffi l-ġodda li daħħal fuq prodotti ġejjin mill-bqija tad-dinja, ħlief dawk Ċiniżi.
Minkejja dan iżda l-inċertezza se tibqa’ hemm. Inċertezza li qiegħda tolqot id-dinja. Inċertezza li qiegħda tolqot u tinkwieta lis-sidien tal-ħwienet u negozji oħra flimkien ma’ għadd ta’ industirji li joperaw f’pajjiżna. Inċertezza li għalkemm sa issa mhix qiegħda tinħass daqstant fil-konsumatur Malti, din mistennija taffettwa lill-konsumaturi Maltin. Il-probabbiltà hi li l-konsumaturi Maltin se jkunu affetwati biha, kif se jkunu affettwati biha konsuamturi oħra Ewropej.
L-akbar biża’ tibqa’ li dawn it-tariffi imposti mill-Istati Uniti jistgħu jerġgħu jgħollu l-inflazzjoni u anke jwasslu għal riċessjoni.
Ta’ sodisfazzjon hu l-fatt li għandna aġenziji ta’ kreditu bħal dik DBRS li qegħdin jgħidulna li t-tariffi imposti minn Trump se jkollhom effetti minimi fuq pajjiżna. Qegħdin jgħidulna li aħna se nintlaqtu inqas minn kif se jintlaqtu pajjiżi oħra. Dan ma jfissirx li mhux se nintlaqtu jew li nistgħu inserrħu rasna. Nafu li l-ekonomija Maltija hi bbażata fuq il-konsum tal-konsumaturi Maltin.
Fuq in-nefqa’ domestika, apparti l-infieq turistiku u s-settur tas-servizzi f’pajjiżna li hu b’saħħtu. Waqt li wieħed jilqa’ b’mod pożittiv li l-effett se jkun minimu, nemmnu li l-pajjiż irid ikun b’għajnejh miftuħin għal kull sfida li tista’ tinqala’ minn ħin għal ieħor f’dinja inċerta għall-aħħar.