Monday, March 23, 2026

Tarxien Pageant Group – Via Veritatis – Produzzjoni Live tal-Passjoni b’Xenarju mill-Isbaħ f’Ħal Tarxien

Aqra wkoll

It-Tarxien Pageant Group ser jerġa’ jippreżenta produzzjoni teatrali ġdida li tmiss il-qalb permezz tad-dramm tal-Passjoni “Via Veritatis – It-Triq tal-Verità”. Dan l-ispettaklu se jittella’ nhar it-30 u nhar il-31 ta’ Marzu fil-parkeġġ ħdejn il-Kulleġġ St. Thomas More, fi Triq Joseph Burlo, Ħal Tarxien.

Din is-sena, id-dramm bit-titlu “Via Veritatis – It-Triq tal-Verità” se jkun spettaklu fuq palk imfassal apposta b’xenarju mill-isbaħ, li flimkien ma’ effetti viżivi u dawl professjonali se joħloq atmosfera realistika u emozzjonanti. 

Il-produzzjoni live toffri esperjenza immersiva fejn l-udjenza tħoss li qed tgħix il-ġrajjiet quddiem għajnejha, grazzi għal interpretazzjonijiet qawwija mill-membri ta’ din l-għaqda li huma volontarji. It-titlu tad-dramm huwa ispirat mill-kliem ta’ Ġesù Kristu: “Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġwanni 14:6). Din il-verità mhijiex biss kunċett astratt, iżda realtà li tidher fil-ħajja u fil-missjoni ta’ Kristu, speċjalment fil-mumenti tal-Passjoni Tiegħu.

F’dan id-dramm live se naraw lil Mattew u lil Marija ta’ Magdala, issa mdaħħlin fiż-żmien ta’ wara l-mewt ta’ Ġesù, jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom dwar il-mirakli li wettaq Ġesù. Il-personaġġi li għandhom x’jaqsmu direttament mal-miraklu se juruna l-esperjenza tagħhom, li se jeħduna wkoll lejn il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Id-dramm jikkonsisti f’aktar minn 100 attur, u minnhom hemm 40 attur li ser ikunu qed jitkellmu live. Il-produzzjoni tesplora l-ġrajjiet li jwasslu għall-mewt u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, billi tagħti spazju partikolari lill-esperjenzi tal-persuni li kienu qrib Tiegħu. Il-Passjoni — it-tbatija u s-sagrifiċċju tas-Salib — tidher bħala l-ogħla espressjoni tal-imħabba divina, fejn Kristu jagħti ħajtu għall-bnedmin kollha. Fl-istess waqt, din l-istorja turi wkoll il-fraġilità tal-bniedem, iżda tiftaħlu t-triq għall-ħniena u l-fidwa.

Il-qofol jintlaħaq permezz tal-kontrast bejn it-tbatija u r-rebħa: is-Salib, li jidher bħala telfa, isir simbolu ta’ rebħa fuq id-dnub u l-mewt, filwaqt li l-Qawmien mill-Imwiet jikkonferma li l-verità ta’ Kristu hija waħda li tirbaħ fuq kollox. Dan il-messaġġ huwa ċentrali għat-tema tad-dramm, li juri kif il-verità titlob impenn, iżda twassal għall-ħajja ġdida.

“Via Veritatis” mhuwiex biss spettaklu artistiku, iżda wkoll stedina personali għal kull min jattendi. F’dinja mimlija konfużjoni u narrattivi differenti, id-dramm jistedinna nirriflettu fuq il-valuri tal-maħfra, l-imħabba u t-tama, u biex nimxu wara Kristu b’fidi u kuraġġ.

Din il-produzzjoni hija frott il-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ numru kbir ta’ voluntiera li b’passjoni u impenn taw sehemhom biex jinħoloq spettaklu ta’ livell għoli, kemm fuq livell artistiku kif ukoll spiritwali. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ japprezza dan ix-xogħol u jiftaħ qalbu għall-messaġġ li qed jiġi mwassal. It-Tarxien Pageant Group jistieden lil kulħadd biex jattendi għal din il-produzzjoni u jżomm l-appuntament ma’ esperjenza li tgħaqqad il-ġmiel tal-arti mal-qawwa tal-fidi. 

Il-biljetti huma disponibbli online minn: https://biljett.mt/events/via-veritatis/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport