Wara sensiela ta’ tournaments tal-futbol li ġabu flimkien studenti minn skejjel differenti – u b’kull skola tingħata ballun tal-football speċjali marbut mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) – it-tieni edizzjoni tal-inizjattiva ‘Football for the Goals’ issa waslet fil-fażi finali tagħha.
Din l-inizjattiva, li hija kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, tkompli tibni fuq il-popolarità tal-futbol biex aktar tfal jifhmu u jaġixxu favur il-miri tal-pajjiż għall-iżvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li din l-inizjattiva tħeġġeġ lill-iskejjel jintegraw il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Hija enfasizzat kif il-futbol jista’ jkun għodda b’saħħitha biex jinfetħu orizzonti ġodda u biex il-ġenerazzjonijiet kollha jsiru aktar konxji u responsabbli, filwaqt li jissaħħaħ l-għarfien dwar is-sostenibbiltà fil-komunitajiet. “Bħal dejjem, ħadt gost nara lit-tfal jippreżentaw il-proġetti u inizjattivi li ħadmu fuqhom. Dawn l-istudenti wrew il-kreattività tagħhom kif ukoll sens qawwi ta’ interess u responsabbiltà, li juri kemm dawn l-inizjattivi qed iħallu impatt pożittiv,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li din l-inizjattiva turi kif l-edukazzjoni tista’ tkun esperjenza ħajja li tgħaqqad it-tagħlim mal-valuri u mal-ħiliet li l-istudenti jeħtieġu għall-futur. Huwa enfasizza li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, l-istudenti mhux biss jitgħallmu dwar l-iżvilupp sostenibbli, iżda jkunu wkoll imħeġġa jieħdu rwol attiv fil-komunitajiet tagħhom. “Dan il-programm jagħti spazju lill-istudenti biex jesprimu l-kreattività tagħhom, jaħdmu f’tim u jifhmu aħjar ir-responsabbiltà li għandhom lejn is-soċjetà u l-ambjent. Huwa b’dan il-mod li nibqgħu nibnu sistema edukattiva li tħejji ċittadini responsabbli u impenjati,” qal il-Ministru Grima.
Din is-sena, 17-il klassi minn skejjel differenti pparteċipaw fl-inizjattiva, b’kull klassi allokata wieħed mill-SDGs. Il-programm se jilħaq il-qofol tiegħu b’tournament finali ta’ ġurnata sħiħa ta’ futbol, attività li se tiċċelebra l-isport flimkien mal-valuri ta’ sostenibbiltà u kollaborazzjoni li jinsabu fil-qalba ta’ din l-inizjattiva.

