Fl-aħħar jiem, f’pajjiżna, waslet il-karozza speċjalizzata biex persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti u persuni b’diżabiltajiet oħra jkunu jistgħu jitħarrġu fiha.
Ingħata wkoll taħriġ lil seba’ occupational therapists u żewġ għalliema tas-sewqan, li jaħdmu mal-Aġenzija Sapport u mad-Direttorat tal-Allied Health, biex ikunu jistgħu jħarrġu lill-persuni b’diżabilità.
It-taħriġ, li kien jikkonsisti f’sessjoni prattika fuq il-karozza, enfasizza fuq il-karatteristiċi differenti tal-vettura flimkien mal-użu u l-benefiċċji għall-persuni b’diżabilità. L-istess tim irċieva wkoll taħriġ f’Birmingham bħala parti minn miżura oħra tal-Baġit dwar assessjar u rakkomandazzjonijiet għal vetturi modifikati għall-użu ta’ persuni b’diżabilità li jkunu jixtiequ jitgħallmu jsuqu.
Matul iż-żjara, li saret biswit iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport f’Ħal Far, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li llum huwa jum speċjali hekk kif pajjiżna qed jagħmel pass ieħor biex persuni b’diżabilità jkollhom ħajja aktar indipendenti. Spjegat li permezz ta’ dan l-investiment, aktar persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jsuqu karozza.
Il-ministru qalet li dan l-investiment huwa parti minn sensiela ta’ proġetti li qegħdin isiru fis-settur tad-diżabilità u li qed jibagħtu messaġġ b’saħħtu dwar l-inklużjoni, fis-sens l-aktar wiesa’ tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna qal li dan il-proġett huwa pass ’il quddiem sabiex persuni b’diżabilità, b’mod partikolari dawk li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti, jiksbu aktar indipendenza. Dan is-servizz speċjalizzat, flimkien ma’ oħrajn mogħtija miċ-Ċentru Sonia Tanti, hu wieħed personalizzat u investiment ta’ dan il-livell ikompli juri l-impenn tal-aġenzija sabiex tilħaq aktar sitwazzjonijiet u tippromwovi għajxien indipendenti u l-inklużjoni.
B’investiment ta’ €80,000, il-karozza hija mgħammra b’teknoloġija li tippermetti li persuna ssuq il-karozza mis-siġġu tar-roti stess.
It-taħriġ ingħata minn Fabio Favarin, rappreżentat tal-kumpanija Taljana HandyTech.