Tuesday, July 1, 2025

‘Tassew eċċitat dwar l-opportunità li nservi bħala kowċ tal-goalkeepers mal-Akkademja ta’ Melita FC’ – James Abela

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Min dejjem kont inħobb nilgħab bil-ballun. Niftakar sew it-Tazzatad-Dinja tal-1994 fl-Istati Uniti, meta segwejt għall-ewwel darba logħob fuq it-televixin u minn hemmhekk bdiet l-imħabba tiegħi għall-futbol. Iktar ma kbirt il-passjoni baqgħet tikber miegħi u skoprejt l-ewwel idoli tiegħi bħal Alessandro Del Piero, Peter Schmeichel u Clarence Seedorf.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Niftakar li kont inħobb nilghab waħdi fil-parapett bejn żewġ ħitan. Kont nixxuttja l-ballun mal-ħajt u nipprova nilqgħu qabel ma jaħbat mal-ħajt ta’ warajja.  Minn meta bdejt nilgħab man-nursery U5 kont diġá naf li rrid inkun goalkeeper.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ tal-goalkeepers fl-Akkademja ta’ Melita FC?

Dan kien l-aħħar staġun tiegħi bħala plejer. Fil-fatt diġá ksibt xi liċenzji tal-kowċing mal-MFA u għadni kemm iffirmajt mal-akkademja ta’ Melita FC biex inkun kowċ tal-goalkeepers. Minn dejjem kelli interess li nkun kowċ u ninsab lest għal dan il-pass li jmiss fil-karriera tiegħi.

Jiena tassew eċċitat dwar l-opportunità li nservi bħala kowċ tal-goalkeepers mal-Akkademja ta’ Melita FC. Il-klabb għandu tradizzjoni b’saħħitha ta’ żvilupp ta’ talent żagħżugħ, u nħares ’il quddiem biex nibni fuq dik il-wirt billi ngħin lill-goalkeepers tagħna jikbru kemm fit-teknika kif ukoll mentalment.  

Li ningħaqad mal-Melita FC jfisser ukoll li nsir parti minn komunità sportiva usa’ li tapprezza dixxiplina, passjoni u xogħol f’tim – valuri li nemmen fihom bis-sħiħ. Ma nistax nistenna biex nagħti l-kontribut tiegħi u nkompli nitgħallem flimkien ma’ staff u plejers mill-aqwa.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala goalkeeper ma’ Għargħur FC.

Mal-Għargħur FC sibt grupp ta’ plejers li laqgħuni tajjeb u minkejja mumenti diffiċli żammejna atmosfera pożittiva. Personalment kont kburi li lħaqt il-200 logħba fit-Tieni Diviżjoni / National Amatuer League 1 u nixtieq nirringrazja lill-klabb talli ppreżentawli tifkira tal-okkażjoni.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Kien staġun diffiċli u sfortunat fejn ftit wara l-bidu tal-istaġun spiċċajna bla kowċ u fl-ewwel rawnd tlifna wkol diversi plejers importanti minħabba injuries u trasferimenti. Minkejja dan, fit-tieni rawnd bdejna nilagħbu aħjar u rnexxielna noħorġu mill-postijiet tar-relegazzjoni. Iżda fl-aħħar ġurnata tlifna d-decider u spiċċajna relegati.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-kampjonati ta’ taħt il-Premier qed jitjieb. F’dawn l-aħħar staġuni innutajt iktar plejers ta’ kwalitá jilagħbu anke fl-Amateur Leagues u livell ta’ futbol milgħub aħjar.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-faċilitajiet fil-grawnds huma bla dubju aħjar minn meta bdejt nilgħab jien fuq iż-żrar, imma xorta jistgħu ikunu aħjar.  Id-dawl mhux dejjem ikun tajjeb meta nilagħbu filgħaxija, u spiss ma jkunx hemm misħun biex tinħasel, speċjalment meta tilgħab it-tieni logħba tal-ġurnata.  Min-naħa l-oħra qed nara investiment tajeb fil-livell ta’ grawnds tat-taħriġ għaliex diversi klabbs qed jagħmlu turf gdid u jtejbu l-faċilitajiet tagħhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Jien naħseb li biex wieħed ikollu karriera ta’ suċċess fil-futbol, irid jaħdem b’umiltá u rispett għall-kowċis u l-plejers. Dejjem sib ftit ħin qabel il-logħba biex tipprepara mentalment u analizza onestmanent il-prestazzjoni tiegħek wara kull logħba sabiex tara x’għamilt tajjeb u fejn stajt kont aħjar. Fuq kollox, dejjem trid tiftakar li qed tilgħab għax tħobb il-futbol u ħu pjaċir!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport