Minn Cristian Muscat
Fil-jiem li għaddew, Is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA Carlo Mamo ġie elett fil-Bord tal-Ewropa tal-FIFPRO. Dan hu riżultat pożittiv ħafna għal Carlo li kien it-tieni kandidat li ġie elett. M’hemmx dubju li din hi kisba li tirrikonoxxi x-xogħol u l-impenn dedikat ta’ Carlo, u l-progress tal-MFPA.
Dan is-sit tkellem ma’ Carlo nnifsu fejn tana iktar dettalji, fosthom rigward kif qed iħares len din il-kariġa ġdida u tassew prestiġjuża tiegħu:
“Jiena tassew grat għall-fiduċja murija fija. Il-fatt li ġejt elett fil-Bord tal-FIFPRO Europe juri li anke nazzjonijiet żgħar bħal Malta jistgħu jkollhom rwol sinifikanti fit-tiswir tal-futbol Ewropew. Din il-pożizzjoni tagħti lil Malta vuċi diretta fuq il-mejda, u tgħin biex tinfluwenza l-politiċi li jaffettwaw il-plejers tagħna, il-kampjonati, u l-futur tal-logħba.”
“Il-prijorità tiegħi hija li nsaħħaħ il-konnessjoni bejn il-plejers u l-istituzzjonijiet, b’emfażi fuq l-ekwità, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u r-rappreżentanza kemm għall-plejers irġiel kif ukoll għan-nisa. Dan ir-rwol itejjeb ukoll il-viżibilità ta’ Malta u joffri pjattaforma biex nappoġġjaw titjib kemm lokalment kif ukoll madwar l-Ewropa. Jiżgura li l-plejers tagħna jkunu rappreżentati b’mod aktar effettiv fid-deċiżjonijiet ewlenin li jsawru l-isport.”
“Ir-realtà hi li ħafna plejers fl-Ewropa spiss ma jkunux ippreparati għall-ħajja wara l-karrieri tagħhom bħala plejer. Xi wħud isofru minn injuries serji li jtemmu l-karrieri tagħhom ħesrem, ta’ spiss meta jkunu għadhom jistennew li jkollhom diversi snin x’jilgħabu. Oħrajn jiffaċċjaw sitwazzjonijiet inaċċettabbli, bħal li ma jitħallsux għal xhur sħaħ. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi se jkun fokus ewlieni tax-xogħol tiegħi fuq il-Bord.”