Sunday, November 24, 2024

Tazza tad-Dinja 2022: L-aħħar ‘żifna’ ta’ Lionel Messi u Cristiano Ronaldo

Aqra wkoll

Hekk kif id-dinja tal-football qed tipprepara biex fi żmien sitt xhur tmur lejn il-Qatar, din it-Tazza tad-Dinja hija lesta li tikkonkludi l-era li fiha Lionel Messi u Cristiano Ronaldo kienu ż-żewġ players pre-eminenti li ssiġillaw  isim­hom f’dan l-isport. 

Dak iż-żmien, inħass li t-tournament tal-2018 fir-Russja mmarka żvolta hekk kif l-adoloxxenti Kylian Mbappe sar super stilla globali billi għen lil Franza jsiru champions tad- dinja.

Mbappe li kkonsla lil Messi wara li kien protagonista hekk kif Franza eliminaw lill-Arġentina fl-Aħħar 16 kienet immaġni emblematika ta’ dik it-Tazza tad-Dinja.

Aktar ‘il quddiem sal-preżent u Mbappe u Messi saru kollegi mat-team ta’ Paris St-Germain.

Meta għad għandu biss 23 sena, il-futur ċertament huwa ta’ Mbappe, li dan l-istaġun huwa tefa’ lill-Arġentin fil-club tiegħu u għandu lil PSG, lil Real Madrid u lill-partitarji tal-football madwar id-dinja fuq ix-xwiek jistennew li jkunu jafu dwar fejn se jilgħab fl-istaġun li ġej.

Sadanittant, anke jekk issa qed inaqqsu, Messi u Ronaldo se jmorru l-Qatar bit-tama li forsi jaħtfu l-aħħar ċans tagħhom li jirbħu t-Tazza tad-Dinja, evidentement l-uniku unur li kull wieħed minnhom m’għandux fuq is-CV tiegħu.

Dawn huma l-players li bejniet­hom rebħu 12 mill-aħħar 13-il ediz­zjoni tal-Ballun tad-Deheb – Messi rebaħ is-seba’ wieħed tiegħu s-sena l-oħra.

It-tnejn rebħu titlu kontinentali mat-team nazzjonali tagħhom, iżda l-ebda wieħed ma jitfi għal kollox it-Tazza tad-Dinja kif kienu qed jittamaw.

Din se tkun il-ħames Tazza tad- Dinja ta’ Messi. Kellu 18-il sena meta skorja fid-debutt tiegħu fit- tournament fl-2006 fil-Ġermanja.

Huwa ispira lill-Arġentina biex tasal sal-finali tal-2014 fil-Brażil, li tilfu kontra l-Ġermanja b’goal fil-ħin barrani ta’ Mario Goetze.

Madankollu, b’mod inkredibbli, huwa qatt ma skorja f’partita tan- knockout tat-Tazza tad-Dinja. Is-sitt goals kollha tiegħu waslu fil-fażi tal-gruppi.

Messi se jkollu 35 sena meta l-Arġentina tilgħab kontra l-Arabja Sawdija fil-logħba tal-ftuħ tagħhom fit-22 ta’ Novembru.

“Se jkolli nevalwa mill-ġdid ħafna affarijiet wara t-Tazza tad-Dinja, kemm jekk tmur tajjeb għalina jew le,” stqarr Messi f’Marzu.

“Nispera li tmur tajjeb, iżda ħafna affarijiet żgur li se jinbidlu. ‘Se niddeċiedi’.”

Ronaldo lagħab ukoll f’erba’ Tazzi tad-Dinja u s-sena l-oħra kiser ir-rekord internazzjonali tal-goals li kellu l-Iranjan, Ali Daei, iżda lanqas qatt ma rnexxielu jiskorja goal fir-rounds tan-knockout.

Il-captain tal-Portugall se jkollu kważi 38 sena fi tmiem din is-sena, iżda għadu f’forma fiżika impressjonanti tant li xorta skorja 24 goal għal Manchester United dan l-istaġun.

“Se nkun jien li niddeċiedi, ħadd iktar,” insista f’Marzu meta mistoqsi jekk din tistax tkun l-aħħar Tazza tad-Dinja tiegħu.

Dieti mtejba u avvanzi fix-xjenza tal-isports ifissru li aktar players issa qed jestendu l-karriera tagħhom fil-quċċata sew fuq it-30 sena.

Karim Benzema, li jagħlaq 35 sena l-għada tal-finali fil-Lusail Iconic Stadium, qed jilgħab l-aqwa football tal-karriera tiegħu ma’ Real Madrid, l-aqwa skorer f’La Liga issa forsi l-favorit biex ikun is-suċċessur ta’ Messi bħala rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb.

S’issa, Benzema lagħab f’Tazza tad-Dinja waħda biss fl-2014 qabel ma ġie eżiljat mit-team nazzjonali għal ħames snin minħabba l-involviment tiegħu f’affari ta’ rikatt ta’ sex-tape fuq il-player kollega, Ma­thieu Valbuena.

“Hemm Tazza tad-Dinja ġejja u rrid nipprova nagħmel xi ħaġa kbira. Wara naraw jekk nitniżżilx fl-istorja,” qal Benzema lil L’Equipe dan l-aħħar.

L-aqwa player fl-aħħar Tazza tad-Dinja, Luka Modric, dan l-ista­ġun kompla jibbrilla, iżda mhux konsistentement, flimkien ma’ Benzema għal Real Madrid.

Ir-rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb tal-2018, iżda, se jkollu 37 sena fil-Qatar.

Ripetizzjoni ta’ l-isforzi fiżiċi eroj­ċi tiegħu erba’ snin ilu – meta kaxkar lill-Kroazja fil-ħin barrani fi tliet partiti tan-knockout fi triqit­hom għall-finali – hija improbabbli ħafna.

Robert Lewandowski jista’ jkun l-akbar skorer fil-football Ewropew f’dawn l-aħħar snin, iżda huwa lagħab biss tliet logħbiet fit-Tazza tad-Dinja għall-Polonja u qatt ma skorja.

Huwa dalwaqt jagħlaq 34 sena, u dan se jerġa’ jkun l-aħħar ċans tiegħu fit-tournament, u l-istess jista’ jingħad għall-veterani Urugwajani, Luis Suarez u Edinson Cavani.

Anke Neymar, li għadu kompa­rattivament żagħżugħ ta’ 30 sena, qal li jista’ ma jerġax jidher fit-Tazza tad-Dinja, daqs kemm hija t-tensjoni fuq ġismu u moħħu.

“Se nilgħabha bħallikieku hi l-aħħar waħda għax ma nafx jekk għadx se jkolli s-saħħa mentali biex nilgħab aktar football,” qal il-Brażiljan is-sena l-oħra.

Madankollu l-Qatar jista’ jara wieħed mill-istilel żgħażagħ emer­ġenti tal-logħba verament jagħmel il-marka tiegħu, bħal m’għamel Mbappe erba’ snin ilu.

In-nuqqas tan-Norveġja li tikkwalifika jfisser li mhu se jkun hemm l-ebda Erling Haaland, iżda l-Ispanjol Pedri, is-Serb Dusan Vlahovic u l-Brażiljan Vinicius Junior huma fost il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ super stilel. Jekk biss jistgħu jegħ­lbu lill-players anzjani.

Sport