Il-Ħamis intlagħbu l-Play-Offs tat-Tazza tad-Dinja 2022 fejn spikka r-riżultat tal-Italja meta f’darhom ġew megħluba mill-Maċedonja bl-iskor ta’ 1-0 biex sfaw eliminati għat-tieni darba konsekuttiva minn din l-akbar manifestazzjoni sportiva.
Min-naħa l-oħra, il-Portugall u Wales għaddew għall-finali tal-Play-offs meta għelbu lit-Turkija (3-1) u lill-Awstrija (2-1) rispettivament.
Italja v Maċendonja – L-Italja sfaw eliminati mit-Tazza tad-Dinja meta f’darhom tilfu 1-0 kontra l-Maċedonja.
Minkejja li ddominaw huma ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja. Domenico Berardi kien ħati li falla bosta ċansijiet faċli ta’ skor.
U ta’ dan in-nuqqas l-Azzurri pattew qares minħabba li fil-ħin miżjud Aleksandar Trajkovski ta r-rebħa lill-Maċedonja b’xutt minn 25 metru bogħod.
Portugall v Turkija – Il- Portugall għelbu lit-Turkija bl-iskor ta’ 3-1.
Huma fetħu l-iskor wara kwarta logħob meta x-xutt ta’ Bernardo Silva kien salvat parzjalment mill-goalkeeper Ugurcan Cakir bil-ballun jaħbat mal-lasta iżda Edmilson Otavio kien pront u xeħet fix-xibka.
Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima huma rduppjaw meta Diogo Jota kkonkluda b’daqqa ta’ ras mill-cross ta’ Otavio.
Peró, fil-65 minuta t- Torok reġgħu daħlu fil-partita permezz ta’ Burak Yilmaz. Iżda fit-92 minuta Mattheus ta r-rebħa lill-Portugiżi.
Wales v Awstrija – F’darhom Wales għelbu lil Awstrija 2-1.
Il-viżitaturi kellhom bidu tajjeb u kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor fil-ħames minuta meta x-xutt ta’ Christoph Baumgartner għeleb lill-goalkeeper Wayne Hennessey iżda ġie mċaħħad mill-mimduda.
Fil-25 minuta, kienu Wales li marru fil-vantaġġ minn free-kick mill-isbaħ ta’ Gareth Bale li xeħet il- ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-51 minuta, l-istess Bale rduppja meta mill-corner ta’ Daniel James, huwa ħa l-ballun mingħand Ben Davies f’nofs il-kaxxa u dawwar il-ballun fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Fil-65 minuta, l-Awstrijaċi naqqsu l-marġni meta x-xutt ta’ Marcel Sabitzer ħabat ma’ Davies għal auto-goal sfortunat.
Svezja v Rep. Ċeka – F’partita bilanċjata l-Isvezja u r-Repubblika Ċeka temmew fi draw ta’ 0-0 biex kellu jingħata l-ħin barrani. Kienu l-Isvediżi li kkwalifikaw meta Robin Quaison (110) skorja dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa.
Għaldaqstant il-finali tal-Play-Offs se jintlagħbu hekk:
Portugall v Awstrija
Wales v Svezja
Skozja/Urkajna v Polonja (li ngħataw walk-over kontra r-Russja)