Saturday, December 21, 2024

Tazza tad-Dinja 2022 – Tliet partiti ta’ Malta mimlijin pożittivitá

Aqra wkoll

Ritratt: Domenic Aquilina

Fit-tliet logħbiet li Malta lagħbet fi Grupp H mill-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022, it-team nazzjonali tagħna kiseb rebħa fl-Istadium Nazzjonali bl-iskor ta’ 3-0 kontra Ċipru, u sofra żewġ telfiet barra minn daru kontra s-Slovenja bl-iskor ta’ 1-0 u kontra r-Russja bl-iskor ta’ 2-0.

Bla dubju ta’ xejn il-coach Taljan, Devis Mangia, għalkemm mhux ta’ isem daqs bosta oħrajn li kellna fil-passat, daħħal sistema ta’ logħob li tippermettilek tieħu pjaċir tara lit-team jilgħab.

Meta qabel l-istrateġija kienet iktar ibbażata fuq id-difiża, illum il-players qed jattakkaw bi tqassim metikoluż tal-ballun minn wieħed għall-ieħor.

Huwa veru li tlifna ż-żewġ logħbiet barra minn xtutna, iżda rridu ngħidu li t-tliet goals kontrina ġew tnejn minn penalties li setgħu kienu tlieta li kieku l-goalkeeper Henry Bonello ma salvax ieħor kontra s-Sloveni, u l-goal ieħor ġie minn żball difensiv li iktar jidħol fil-kategorija tar-rigali.

Bit-tliet avversarji msemmija jinsabu qabilna sew fir-rankings tal-FIFA, jekk wieħed jevalwa l-progress li għamel it-team biżżej­jed iħares lejn il-pussess tal-ballun fejn kontra Ċipru kellna 72% kontra 28%, persentaġġ li huwa tassew impressjonanti, għalkemm irridu ngħidu li ċ-Ċiprijotti għamlu taqsima u ftit iktar b’raġel inqas.

Imbagħad kontra s-Sloveni dawn kienu viċin ħafna, 52%-48% favurihom waqt li kontra r-Russi dawn kienu kważi simili, 53%-47% għal dawn ta’ l-aħħar.

Huwa fatt li logħba ma tintrebaħx bl-istatistka, iż­da bil-goals, għalkemm ma tridx tinjora statistika mill-aktar pjaċevoli meta wieħed iqis id-differenza bejna u dawn iż-żewġ paj­jiżi.

F’dawk li huma tentattivi lejn il-lasti avversarji fil-logħba kontra Ċipru, Malta kellha 8 kontra 5 li minnhom il-Maltin kel­lhom ħamsa fil-lasti u ċ-Ċiprijotti 3.

Imbagħad xi ngħidu għall-passes meta kellna 760 kontra 301 – id-doppju u iktar – waqt li fil-passes kompluti anke hawn konna superjuri, 678 kontra 212. Mhix ħaġa kbira li l-istatistika ta’ din il-logħba hija waħda mill-aqwa li qatt kellna f’logħba kompetittiva. Il-persentaġġ tal-preċiżjoni tal-passes kienet 89%-70% favur

Kontra s-Slovenja l-per­sentaġġ ta’ pussess kien viċin ħafna 52%-48%. Xutti­jiet lejn il-lasti kienu 12-4 favur is-Sloveni bi 3-1 fil-lasti u 5-1 barra.

Meta niġu għall-pas­ses dawn spiċċaw 455-436, dawk kompluti 387-368 u l-preċiżjoni tal-passes kien 85%-84%. Tassew figuri li jagħmlu kuraġġ lill-coach u anke lill-players.

Fl-aħħar logħba kontra r-Russja żammejna vi­ċin tagħhom ukoll fejn għalkemm spiċċaw 19-9 favur fit-tentattivi lejn il-lasti, dawk fil-lasti kienu 7-3 u dawk barra 7-4 bl-oħrajn ikunu mblukkati.

F’dawk li huma tentattivi ta’ passes dawn spiċċaw 488-394 favur ir-Russi u passes kompluti 358-303 bl-eżattezza tal-passaġġ tkun 80%-77% favur tagħhom ukoll.

Bħal ma għidna qabel l-istatistika ma trebbħekx punti, iżda tagħmillek kuraġġ speċjalment meta nqab­bluhom ma’ dawk tal- passat.

Kontra Ċipru u kontra s-Slovenja, kien preżenti l-president tal-UEFA, Alexander Ceferin, li żgur għandu idea oħra tat-team Malti fejn rah jirbaħ u jitlef it-tieni logħba kontra t-team ta’ pajjiżu.

X’QALU WARA

Devis Mangia (coach ta’ Malta): “Lgħabna logħba taj­ba ħafna. Kellna l-possibbiltà li nġibu d-draw għax kellna żewġ opportunitajiet kbar biex niskorjaw. Aħna nilagħbu l-football u xi drabi jkun hemm żbalji, iżda dan huwa l-mod kif nibnu xi ħaġa. Dan jista’ jagħtina riżultati tajbin.

“Għamilna xogħol taj­jeb. Kelli idea ċara tat-team qabel din il-logħba, u issa għandi idea aktar ċara. Tista’ titlef partita, iżda hemm mod kif titlef. U jekk nitilfu, allura nippreferi nitlef kif tlifna mar-Russja.

“Mhux dwar jekk inix sodisfatt bit-tliet logħbiet – kulħadd probabbilment għoġbu kif lgħabna. Iżda biex inkunu sodisfatti għal kollox, wieħed irid jirbaħ. Irnex­xielna ntejbu n-numri, iżda fl-aħħar 20 minuta ta’ kull logħba ħassejna li konna qed nispiċċaw mis-saħħa.”

Valeri Karpin (coach tar-­Russja): “Kellna għaxar darbiet aktar attakki iżda ma temmejnihomx – l-aħħar pass, il-kalma ma kinitx biżżejjed. Li kieku skurjajna t-tieni goal qabel, konna nkunu meħlusa. Filwaqt li l-iskor ikun 1-0, kull mument – rebound, żball – joħloq tensjoni.”

“Il-kompitu minimu tlesta; ħafna kienu jaċċettaw li jieħdu seba’ punti minn tliet logħbiet. Hemm diffikultajiet u nixtieq li nkunu aħjar. Iżda huwa dak li hu – biż-żmien li l-players kellhom flimkien, dan mhux l-agħar riżultat.”

Ekonomija

Sport