Saturday, November 8, 2025

Tazza tad-Dinja 2026 – Imsejħa l-iskwadra Maltija għal kontra l-Finlandja u l-Polonja

Aqra wkoll

Il-coach nazzjonali, Emilio De Leo, sejjaħ l-iskwadra finali għall-kwalifiki Ewropej ta’ Grupp G għat-Tazza tad-Dinja, 2026, kontra l-Finlandja u l-Polonja.

It-team se jivvjaġġa lejn Helsinki nhar, il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru, biex jiffaċċja lill-Finlandja fl-Istadium Olimpiku ta’ Helsinki, fis-6.00 pm,  ħin lokali.

Tlett ijiem wara, jiġifieri, it-Tnejn, 17 ta’ Novembru, Malta se tirritorna fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali biex tilqa’ lill-Polonja, bil-partita tibda fid-8.45 pm. Din il-logħba se timmarka l-aħħar logħba tal-grupp.

Hemm diversi inklużjonijiet notevoli fl-iskwadra. Id-difensur żagħżugħ Sven Xerri, li qabel kien imsemmi fl-iskwadra proviżorja f’Marzu, issa kiseb l-ewwel sej­ħa internazzjonali sħiħa tiegħu taħt De Leo.

Trent Buhagiar, li bħalissa qed jilgħab f’Singapore, reġa’ ġie inkluż, wara li l-aħħar darba li deher fl-iskwadra kien f’Marzu. Il-goalkeeper Matthias Debono kien imsejjaħ għall-iskwadra proviżorja f’Mejju, iżda issa ġie msejjaħ fl-iskwadra finali.

Id-difensur James Carragher se jirritorna wara li rkupra minn injury, wara li tilef il-logħbiet ta’  Settembru u Ottubru.

Sadanittant, Ryan Camenzuli u Teddy Teuma huma sospiż kontra l-Finlandja iżda se jkunu disponibbli għal-logħba f’darna kontra l-Polonja. Basil Tuma wkoll irritorna fl-iskwadra wara li tilef il-partita preċedenti, u b’hekk jikkomplimenta l-għażla li tibbilanċja l-esperjenza ma’ dik żagħżugħa.

Fil-klassifika attwali ta’ Grupp G, l-Olanda qed jillidjaw il-klassifika b’16-il punt minn sitt logħbiet, segwiti mill-Polonja bi 13-il punt, bl-istess numru ta’ logħbiet. Il-Finlandja jinsabu fit-tielet post b’10 punti u l-Litwanja fir-raba’ post bi tliet punti, it-tnejn minn seba’ logħbiet … filwaqt li Malta għandha żewġ punti minn sitt logħbiet.

L-iskwadra finali hija din:

Goalkeepers: Henry Bonello (Hamrun S.), Rashed Al Tumi (Sliema W.), Matthias Debono (Naxxar L.).

Difensuri: Zach Muscat (Chaves – Portugall), Juan Carlos Corbalan, Enrico Pepe (Marsaxlokk), Kurt Shaw (Sorrento – Italja), Jean Borg, Myles Beerman (Sliema W.), James Carragher (Wigan A. – Ingilterra), Gabriel Mentz (Gzira U.), Sven Xerri u  Ryan Camenzuli* (Hamrun S.).

Midfielders: Matthew Guillaumier (Pan­serraikos – Greċja), Brandon Diego Paiber (Valletta), Alexander Satariano (Athens Kallithea – Greċja), Yannick Yankam (Valletta), Teddy Teuma* (Reims – Franza), Jake Grech (Floriana).

Attakkanti: Joseph E. Mbong (Hamrun S.), Paul Mbong (FK Cukaricki – Serbja), Ilyas Chouaref (Sion FC – Svizzera), Adam Magri Overend (Sliema W.), Irvin Cardona (St Etienne – Franza), Trent Buhagiar (Tampines Rovers – Singapore), Kemar Reid (Birkirkara), Basil Tuma (Reading FC – Ingilterra).

*sospiżi għall-partita kontra l-Finlandja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport