Saturday, March 7, 2026

Tazza tad-Dinja 2027 tan-Nisa: Telfa kbira għall-Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Malta……………….1

Svizzera……………4

Fit-tieni partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2027, it-tim nazzjonali Malti tan-nisa safa megħlub mill-Isvizzera bl-iskor ta’ 4-1.

Kienu l-Isvizzera li ħolqu l-ewwel periklu fil-ħames minuta meta tentattiv minn ġol-kaxxa ta’ Alishia Lehmann ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper Maltija, Giulia D’Antuono.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-tmien minuta fetħu l-iskor meta IMAN BENEY permezz ta’ xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa tefgħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

L-Isvizzera rduppjaw l-iskor fl-10 minuta meta ALISHIA LEHMANN żmarkata għal kollox mill-viċin ma ħafritx. 

Malta wieġbet żewg minuti biss wara meta wara li rċeviet minn freekick ta’ Lexine Farrugia, Maria Farrugia, kellha x-xutt mill-viċin tagħha jintemm barra.

Huma komplew juru karattru u fid-19-il minuta naqqsu l-marġni tal-iskor meta Lexine Farrugia minn azzjoni ta’ freekick għaddiet through pass lejn MARIA FARRUGIA li wara li daret tajjeb ma’ player avversarja, kellha x-xutt tagħha minn pożizzjoni angolata li ntemm fis-saqaf tax-xibka.

L-Isvizzera wieġbu fis-27 minuta permezz ta’ freekick minn tarf il-kaxxa ta’ Iman Beney li ħareġ l-aħjar ta’ D’Antuono li salvat tajjeb.

Il-Maltin tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs man-nofsiegħa logħob meta Lexine Farrugia indirizzat cross pinġut li sab lil Maria Farrugia li iżda żmarkata għal kollox laqtet il-ballun ħażin u tefgħet barra.

L-Isvizzera reġgħu ħolqu l-periklu minuta biss wara meta Geraldine Reuteler kellha x-xutt ċentrali mill-viċin tagħha salvat tajjeb minn D’Antuono.

Huma skorjaw it-tielet goal fit-38 minuta meta l-ballun wasal għand SVENJA FOLMLI li permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa tefgħet il-ballun wara D’Antuono.

L-Iżvizzeri kienu sfortunati li ma skorjawx ir-raba’ goal fis-47 minuta meta s-sostituta Aurelie Csilllag kellha t-tentattiv tagħha jistampa mal-lasta, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.

Iżda r-raba’ goal għalihom li permezz tiegħu ssġillaw ir-rebħa wasal fit-73 minuta meta l-istess AURELIE CSILLAG avvanzat tajjeb fil-kaxxa u b’xamma kbira għall-goal tefgħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Malta wieġbet fit-80 minuta meta Haley Bugeja venvnet xutt mid-distanza li ntemm għoli.

L-Isvizzera komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.

Malta: Giulia D’Antuono, Maya Lucia (Yulya Carella 71), Stephania Farrugia, Emma Lipman, Jade Flask, Brenda Borg, Haley Bugeja, Emma Flannery (Shona Zammit 58), Leah Ayres (Jana Barbara 77), Lexine Farrugia (Kailey Willis 77), Maria Farrugia Coach: Manuel Tesse

Żvizzera: Livia Peng, Leila Wandeler (Ana-Maria Crnogorcevic 62), Viola Calligaris, Noelle Maritz, Nadine Riesen, Geraldine Reuteler, Lia Walti, Sydney Schertenleib (Lia Kamber 74), Alishia Lehmann (Riola Xhemaili 62), Svenja Folmli (Aurelie Csillag 46), Iman Beney (Leela Egli 85) Coach: Rafel Navarro

Referee: Jelena Medjedovic (Serbja)

Skorers: I. Beney 8, A. Lehmann 10, S. Folmli 38, A. Csillag 73 (Ż), M. Farrugia 19 (M)

Ammoniti: A. Csillag (Ż), G. D’Antuono, Y. Carella (M)

Attendenza: 905

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport