Saturday, December 28, 2024

Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2022: Illum Malta taffronta lid-Danimarka

Aqra wkoll

Il-coach tat-team nazzjonali Malti tan- nisa, Mark Gatt (ritratt), qed jittama li l-players tiegħu jibqgħu ffukati hekk kif proprju llum, fis-Centenary Stadium, se jilagħbu kontra l-ġganti Ewropej tad-Da­nimarka fil-logħba ta’ kwalifikaz­zjoni tat- Tazza tad-Dinja 2023. 

It-tfajliet Maltin għadhom ġejjin mill- impenji tat-Tournament VisitMalta li rawhom jirreġistraw rebħa ta’ 3-1 fuq il-Moldova qabel ma offrew oppożizzjoni denja fit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Marokk. 

Il-coach Gatt jinsab kuntent bl-attitudni li wrew il-players matul is-sessjonijiet ta’ taħriġ għal din il-partita kontra d-Daniżi li rebħu l-partita f’pajjiżhom bl-iskor ta’ 7-0,  fl-ewwel logħba tal-kompetizzjoni, f’Settembru li għadda. 

“Ippreparajna lilna nfusna bl-aħjar mod possibbli għal din il-partita,” qal il-coach nazzjonali.

 “Il-players huma konċentrati u determinati minħabba li diġà jafu x’qed jistennew minn dan il-konfront wara li fl-aħħar snin lagħbu kontra l-istess avversarji tliet darbiet.

 “M’għandniex biża’ mill-avversarji tagħna u qed nistinkaw biex nieħdu kemm jista’ jkun elementi pożittivi minn sfida bħal din.”

 Id-Danimarka jinsabu fil-quċċata ta’ Grupp E b’rekord massimu ta’ sitt reb­ħiet. Bit-tieni favoriti minn dan il-grupp, ir-Russja, tkeċċew mill-kompetizzjoni wa­ra l-aħħar deċiżjoni tal-FIFA minħabba l-invażjoni tal-Ukraj­na, it-team Skandinavu jista’ jqis lilu nnifsu bħala diġà kkwalifikati għall-fażi finali tas-sena d-dieħla.

 Madankollu, dawn il-logħob ta’ kwalifikazzjoni jibqgħu pjattaforma importanti għalihom peress li diġà xeħtu l-attenzjoni tagħhom lejn il-finali tal-Euro 2022 li se jibdew f’Lulju. Id-Daniżi qed jitqiesu minn fost il-favoriti li jiġu nkurunati champions  wara li fl-aħħar edizzjoni, fl-2017, huwa waslu sal-finali. 

Għaldaqstant il-coach Gatt qed jipprepa pjan kif jista’ jżomm lid-Daniżi milli jippenetraw fil-kaxxa tagħna. 

“Wieħed mill-aspetti li ilna naħdmu fuqhom matul is-sessjonijiet ta’ taħriġ kien il-fażi difensiva, għax huwa kruċjali li nippruvaw nagħlqu l-ispazji neċessarji biex ma nħallux lill-avvesarji jippenetraw,” tenna Gatt. 

“Fl-istess waqt, ħdimna dwar kif nippruvaw noħolqu l-kontrattakki f’tentattiv biex insaħħu lilna nfusna matul il-logħba.”

Għal din il-partita, li se tintlagħab qabel il-partita ta’ ħbiberija kontra t-team tal-Italja U-23 nhar it-Tlieta li ġej, Gatt reġa’ sejjaħ numru ta’ players żgħażagħ.

Dawn jinkludu lil Jessica Dimech, Maia Debono, Leanne Cefai u Jade Schembri li l-wirjiet pożittivi tagħhom fil-kompetiz­zjonijiet domestiċi ssarrfu b’sejħa oħra mat-team nazzjonali tal-kbar.

Barra minn hekk, Gatt sejjaħ ukoll lill-attakkanta ta’ Raiders Lija, Leah Ayres, ta’ 18-il sena li kisbet il-passaport Malti eżatt fil-ħin għal dawn iż-żewġ logħbiet.

Imwielda l-Ingilterra, din il-player kienet parti mill-għażla tal-Under 19 fi Frar, meta lagħbet fiż-żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra Ċipru.

 Ayres, li skorjat 10 goals fil-Kampjonat tan-Nisa, ħadet post l-imweġġa’ Alishia Sultana fil-lista ta’ 22 player.

Il-coach nazzjonali jemmen bis-sħiħ fl-iżvilupp tat-talent taż-żgħażagħ billi jipprovdilhom pjattaformi bħal dawn, li jgħinuhom jintegraw malajr fit-team filwaqt li jadattaw għall-istadju internaz­zjonali fil-livell tal-kbar.

“Dejjem qegħdin infittxu players promettenti li jistgħu jgħinuna ntejbu l-livell tagħna,” saħaq Gatt.

 “L-iskwadra tagħna hija fluwida ħafna għax tevolvi kontinwament u tara uċuh ġodda.”

 “Xi drabi nkunu sfurzati ntellgħu players żgħar ħafna mat-team tal-kbar minħabba l-limitazzjonijiet tagħna fil-grupp ta’ players. Madankollu, dejjem niżguraw li nagħtuhom il-ħin meħtieġ biex jiżviluppaw u jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom.”

Il-partita tibda fis-6.00 pm. 

Ekonomija

Sport