Sunday, December 22, 2024

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Illum Malta tospita lil Azerbaijan

Aqra wkoll

Illum, it-team nazzjonali tan-nisa se jospita lil dak tal-Azerbaijan f’dik li hi l-aħħar partita ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2023, f’darna.

Din se tkun l-ewwel logħba internazzjonali ta’ Malta minn April  meta t-team immexxi minn Mark Gatt kellu wirja mill-aqwa kontra d- Danimarka f’logħba li kie­net ukoll valida mill-Kampjonat Ewropew tan-Nisa 2022. 

F’din l-edizzjoni s’issa l- Maltin kisbu erba’ punti li huwa rekord f’din il-kompetizzjoni.

Id-draw ta’ 2-2 kontra il-Bosnja Herzegovina u r-reb­ħa ta’ 2-1 fuq l-Azerbaijan barra minn darna kienu l-fulkru tal-partiti ta’ Malta f’dan il-grupp ta’ kwalifi­kaz­zjoni.

Iżda il-coach ta’ Malta Gatt jinsab konxju mill-isfidi li jistgħu joffru dawn iż-żewġ avversarji.

“Dawn huma żewġ logħbiet fejn nistgħu nilagħbu l-istil tagħna,” spjega l-coach Gatt.

“Ninsabu ffukati biex niksbu aktar punti hekk kif nemmnu li nistgħu anke nirreġistraw rebħa f’dan il-programm doppju.

“Irridu peró nuru rispett lill-avversarji tagħna iżda ninsab kunfidenti fil-ka­paċità tat-team tiegħi li jipproduċi żewġ wirjiet b’saħ­ħithom kemm kontra l-­Azer­baijan kif ukoll kontra l-Montenegro,” qal il-coach Malti.

Mill-aħħar partita internazzjonali ta’ Malta, kien hemm diversi trasferimenti li nvolvew lill-players tat-team nazzjonali.

Filwaqt li l-captain Emma Lipman estendiet l-esperjenza tagħha ma’ Como Women, il-midfielder Rachel Cuschieri ngħaqdet ma’ Sampdoria minn ma’ Lazio fejn wettqet  l-assist rebbieħ fl-ewwel logħba tas-Serie A ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet fir-rebħa ta’ 2-1 kontra Sassuolo.

Player oħra li se tilgħab l-Italja hija Maya Lucia, li ssieħbet ma’ Genoa.

Barra minn hekk, Maria Farrugia ħalliet lil Sunderland Ladies biex ingħaqdet ma’ Durham Women li magħhom diġà lagħbet żewġ logħbiet fil-kampjonat filwaqt li Haley Bugeja marret tilgħab fl-Istati Uniti hekk kif issa hija parti minn Orlando Pride fin-National Women’s Soccer League.

Intant, hemm bidla żgħira fl-iskwadra hekk kif l-attakkanta ta’ Gillingham, Ylenia Carabott, ġiet sostitwita minn Raina Giusti ta’ Birkirkara.

Giusti skorjat wieħed mill-goals tal-Istripes biex aċċertaw l-ewwel rebħa Mal­tija f’logħba tal-UEFA Wo­men’s Champions League wara li għelbu lil Glentoran tal-Irlanda ta’ Fuq bl-iskor ta’ 2-1.

Fil-proċess, Giusti saret l-aqwa skorer Malti ta’ kull żmien għall-club lokali f’din il-kompetizzjoni bi tliet goals f’14-il dehra.

Hija se tingħaqad ma’ players sħabha ta’ Birkirkara jiġifieri Janice Xuereb, Ste­phania Farrugia, Charlene Zammit, Ann-Marie Said u Alishia Sultana.

“Ovvjament, ħafna players ilhom ma jilagħbu minn Mejju qabel ma beda l- pre-season,” spjega Gatt.

“Il-players kollha issa bdew jilagħbu mal-clubs tagħhom u wħud minnhom, speċjalment dawk ibbażati barra minn xtutna, diġà lagħbu logħob kompetittiv ukoll.

L-aħħar żewġ PARTITI ta’ Mark Gatt

Dawn iż-żewġ logħbiet se jkunu l-aħħar ta’ Mark Gatt fit-tmun tat-team nazzjonali.

Gatt ilu parti mit-team ‘A’ mill-2007 meta ngħata l-ewwel irwol ta’ assistant coach taħt il-gwida ta’ Pierre Brincat, illum Direttur tal-Football tan-Nisa.

Wara 39 logħba bħala l-id il-leminija tal-coach Brincat, Gatt inħatar responsabbli mit-team fl-2015 u s’issa mexxa lit-team f’60 partita, b’rekord ta’ 33 riżultat pożittiv li fihom ġew skojrati 81 goals.

Huma spiċċaw ukoll ir-raba’ fi grupp ta’ kwalifikaz­zjoni tal-UEFA Women’s Euro 2022 b’sitt timijiet b’rekord ta’ 10 punti – tragward li wassalhom biex jirbħu l-Premju tat-Team tas-Sena tal-Għaqda Ġurnalisti Sport.

“L-avventura tiegħi fit-tmun tat-team nazzjonali tal-kbar se tiġi fi tmiemha b’dawn iż-żewġ logħbiet u qed nimmira biex nispiċċa fuq nota pożittiva,” irrimarka l-coach ta’ Malta.

Il-partita se tintlagħab fis-Centenary Stadium, fis-7.30 pm.

Ekonomija

Sport