Tuesday, October 22, 2024

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Malta ttemm b’rebħa fuq il-Montenegro

Aqra wkoll

Montenegro…… 0

Malta…………… 2

It-team nazzjonali Malti tan-nisa l-bieraħ temm il-programm tiegħu minn Grupp E tal-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li se ssir is-sena d-dieħla fl-Awstralja u New Zealand, meta għeleb lil Montenegro b’żewġ goals fl-ewwel taqsima.

Din ir-rebħa kienet rigal lill-coach Mark Gatt, meta għalih kienet l-aħħar logħba tiegħu mat-team meta ilu jmexxih għal dawn l-aħħar 15-il sena.

Il-logħba kienet waħda mo­vimentata tant li sal-ew­wel 20 minuta kien hemm tentattivi minn Theuma darb­tejn u Haley Bugeja għal Malta u  Djokovic għal Montenegro li peró kollha fallew il-mira waqt li Farrugia kel­lha xutt imblukkat.

Fit-28 minuta kienu l-Maltin li marru fil-vantaġġ meta Popovic iffawljat lil Farrugia u mill-free-kick li rriżulta kienet MARIA FARRUGIA li sabet ix-xibka.

Ħames minuti wara Haley Bugeja kellha xutt imblukkat waqt li għal Montenegro kienet Karlicic li falliet il-mira.

Il-Maltin irduppjaw l- iskor fil-45 minuta meta wara foul ta’ Djukic fuq Rachel Cuschieri, mill-free-kick li rriżulta li ngħata minn Farrugia kienet EMMA LIPMAN li għelbet lill-goalkeeper Krstovic biex għamlet l-iskor 2-0.

Fil-bidu tat-tieni taqsima saru erba’ sostituzzjoni­jiet, tlieta minn Montenegro u waħda minn Malta meta Nicole Sciberras ħadet post Maia Debono.

Montenegro rebħu żewġ corners li minnhom ma rriżulta xejn waqt li  fit-58 minuta Gatt wettaq żewġ sostituzzjonijiet f’daqqa me­ta daħħal lil  Alisha Sultana u Brenda Borg minflok Charlene Zammit u Rachel Cuschieri rispettivament.

Il-logħba kompliet tkun waħda bilanċjata biċ-ċansijiet jintilfu minn kull naħa mingħajr ma jżidu l-ebda goals oħra bl-aħħar tisfira tar-referee Ingliża, Kirsty Dowle, tara lill-Maltin jo­ħorġu bit-tliet punti

Malta: Janice Xuereb, Charlene Zammit (Alisha Sultana 58), Stephania Farrugia, Emma Lipman, Ann-Marie Said, Maia Debono (Nicole Sciberras 46), Shona Zammit, Rachel Cuschieri (Brenda Borg 58), Haley Bugeja, Maria Farrugia, Dorienne Theuma.

Referee: Kirsty Dowle (Ingilterra).

Skorers: M. Farrugia 28, E. Lipman 45.

Ammoniti: M. Saranovic, A. Popovic, H. Bozic (Mon); M. Farrugia (Mlt).

Sport