Il-Bank Ċentrali ta’ Malta żamm stabbli t-tbassir għat-tkabbir tal-ekonomija Maltija għal din is-sena. Dan minkejja l-inċertezza ekonomika nternazzjonali li qed twassal biex it-tbassir ekonomiku għal ħafna pajjiżi qed ikun rivedut ‘l isfel.
L-akbar sors tat-tkabbir f’pajjiżna mistenni jkun il-konsum privat. Dan jirrifletti żewġ fatturi. Min-naħa l-fatt li d-dħul disponnibli tal-familji ser jitjieb għax kien hemm tnaqqis fl-inflazzjoni u żieda fil-pagi, speċjalment wara l-ftehim kollettiv tas-settur pubbliku. Imma importanti ħafna huwa l-effett tat-twessigħ tal-income tax bands. Dan se jwassal biex aktar mill-paga tibqa fil-but tal-familji, u minħabba li dan huwa titjib permanenti, dan se jfisser li l-familji se jkunu jistgħu jonfqu aktar.
L-andament pożitiv tal-ekonomija mistenni jwassal anke biex l-investiment f’pajjiżna jkompli jikber. Min-naħa s-settur privat huwa proġettat li jkompli jżid l-operat tiegħu, filwaqt li min-naħa l-oħra l-Gvern, speċjalment permezz ta’ fondi Ewropej, mistenni jkompli jinvesti. L-esperti tal-Bank Ċentrali isostnu wkoll li l-esportazzjoni mistennija tibqa pożitiva minkejja t-tensjonijiet ekonomiċi globali.
Filfatt fi studju estensiv esperti tal-Bank Ċentrali analiza wkoll il-prospetti tal-impatt tat-tariffi proposti mill-Gvern Amerikan. Huma sostnew li l-kważi zewg terzi tal-prodotti li tesporta Malta lejn l-Amerika mhux se jkunu affetwati mit-tariffi. Dan filwaqt li rrimarkaw li pajjiżna ma tantx jagħmel kummerċ mal-Istati Uniti meta wieħed iqabbel mal-kummerċ li jsir ma pajjiżi oħra. F’dan il-kuntest, huma jistmaw li jekk jidħlu t-tariffi proposti dawn l-aktar li jnaqqsu t-tkabbir ekonomiku b’0.2%, u b’hekk l-ekonomija Maltija xorta tibqa tikber b’rata sostanzjali. Barra minn hekk, mhux mistenni li dawn it-tariffi jgħolli b’wisq il-prezzijiet f’pajjiżna.
Fl-istess ħin ir-rapport tal-Bank jindika li r-rata tal-inflazzjoni ser tonqos b’mod sostnut u tkun taħt 2% fis-snin li ġejjin. Dan ukoll mistenni jsaħħaħ id-domanda domestika għax iż-żieda fil-pagi mhux ser titnaqqas daqstant mill-għoli tal-ħajja.
Bl-andament ekonomiku sostnut li hu mbassar, ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tibqa f’livelli baxxi, qrib it-3%. Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jindika wkoll li ż-żieda fl-ammont ta’ ħaddiema barranin mistennija tonqos fis-snin li ġejja, minħabba l-effett ta’ regolamenti ġodda kif ukoll għax il-produttivita hija pproġettata li tikber.
Fl-istess żmien l-iżbilanċ tal-Gvern mistenni li jilħaq 3% is-sena dieħla, sena qabel ippjanat. Dan filwaqt li d-dejn nazzjonali ser jibqa qrib il-50% tal-ġid nazzjonali, ferm taħt il-livell ta’ 60% rikjest mir-regoli tal-Unjoni Ewropea, u s-70% li pajjiżna kellu fl-2012. Dan it-titjib qawwi fil-finanzi pubbliċi mistenni li jseħħ minkejja t-tnaqqis fl-income tax, iż-żidiet fil-pagi minħabba ftehim kollettiv kif ukoll l-investiment pubbliku qawwi fis-snin li ġejjin.