Saturday, December 21, 2024

Tbati bid-dipressjoni u tat parti minn ġidha lil binha b’awtiżmu

… qatgħulha l-pensjoni u riduha tħallas b’lura; il-Qorti tgħid li kienet se ssir inġustizzja ma’ din l-anzjana

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għamlet tliet snin soru tal-klawsura. Ħarġet u spiċċat waqgħet f’dipressjoni. Wara sentejn daħlet f’relazzjoni ma’ raġel u minn din ir-relazzjoni kellha iben li llum għandu madwar 30 sena, liema iben ibati minn awtiżmu sever. Fil-fatt it-tifel mhux indipendenti u jieħu pilloli speċjali. Ommu kien messha sehem minn bejgħ ta’ proprjetà u dawn għaddiethom lil binha biex jinxtrawlu ħwejjeġ u ikel. Dan peress li minħabba l-kundizzjoni tagħha, it-tifel kienu jrabbuh iż-żijiet. Il-mara tant kien ikollha dipressjoni qawwija li xi drabi anke kienet tingħata kura fl-Isptar Monte Carmeli.

Omm it-tifel kienet fetħet kont għal binha, li ma jistax jaħdem. Ġara li hi spiċċat investigata mid-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali b’rabta ma’ flus li ħadet minn bejgħ tal-proprjetà u dan wassal biex id-Direttur Ġeneral infurmata li hi m’għadhiex intitolata għal pensjoni tal-età. L-omm marret quddiem l-arbitru u dan laqa’ l-appell u jiddikjara bħala null id-deċiżjoni in mertu meħuda mid-Direttur Ġenerali. Minn naħa tiegħu id-Direttur Ġenerali appella quddiem il-Qorti, imma l-appell tiegħu ġie miċħud.

Il-Qorti qalet li l-anzjana hija persuna li għaddiet minn ħafna tbatija matul ħajjitha, minħabba l-mard tagħha u tal-uniku wild tagħha. Ingħad li l-anzjana hija persuna li ta’ kuljum ikollha bżonn tagħmel diversi spejjeż sabiex tkampa mal-kundizzjonijiet li għandha. Il-Qorti, wara li qieset il-provi kollha prodotti u żammet f’moħħha d-dimensjoni umana u soċjal, iddikjarat li tkun qiegħda tagħmel inġustizzja kbira mal-anzjana li kieku kellha tilqa’ t-talbiet tad-Direttur Ġenerali.

F’dan il-każ, Yvone Psaila kienet applikat mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex tibda tirċievi l-Pensjoni għall-Età. Permezz ta’ ittra mibgħuta lilha fit-13 ta’ Novembru, 2019, hi kienet ġiet infurmata li t-talba tagħha kienet ġiet evalwata, u li kien ġie deċiż li hi ma kinitx għadha intitolata għal din il-pensjoni għax id-Direttur Ġenerali ma kienx sodisfatt li l-kapital tagħha ma jeċċedix u/jew li hija ma ddisponietx minn kapital sabiex tkun eliġibbli għal din l-għajnuna. 

Quddiem l-arbitru, Yvonne spjegat li hija kienet għamlet tliet snin bħala soru tal-klawsura, u meta ħarġet minn soru, spiċċat mardet bid-dipressjoni. Eventwalment hi kellha relazzjoni ma’ raġel u twieled tifel li llum għandu tletin sena u li jbati minn awtiżmu sever. Tenniet li meta lilha messha ammont ta’ flus wara l-bejgħ ta’ proprjetà li hija wirtet, hija tat somma lil binha, li għandu bżonn ħafna għajnuna. Qalet ukoll li hija nefqet ħafna flus fuq it-terapija ta’ binha, u li binha ma jistax jaħdem.

Fix-xhieda tagħha Maria Mifsud qalet li hija tiġi oħt Yvonne u li għal dawn l-aħħar 29 sena hi u r-raġel tagħha rabbew lit-tifel tagħha. Qalet li oħtha minn dejjem kienet tbati minn dipressjoni akuta u qatt ma setgħet trabbi lil binha, u għalhekk kienu aċċettaw li jrabbu lil dan it-tifel iz-zijiet tiegħu. Spjetat li t-tifel ibati minn awtiżmu sever, u għalhekk ma jistax jaħdem u jgħix ħajja indipendenti. Qalet li fis-sena 2016, oħtha kienet tat kważi €9,000 lil binha sabiex dan ikun jista’ jkompli jitrabba miz-zijiet tiegħu. Ix-xhud qalet li oħtha m’għandha l-ebda tip ta’ introjtu u dejjem iddependiet fuq l-għajnuna soċjali. 

Minn naħa tiegħu, George Mifsud, li jiġi r-raġel ta’ Maria Mifsud, ikkonferma x-xhieda tal-mara tiegħu quddiem l-Arbitru. Qal li huwa u martu jieħdu ħsieb lit-tifel tal-appellata, li jbati mill-awtiżmu. Qal li meta mietet omm l-appellata, u l-appellata messitha xi ħaġa tal-flus mill-bejgħ tal-proprjetà ta’ ommha, din kienet tathom is-somma ta’ €9,000 sabiex huma jkunu jistgħu jixtru l-bżonnijiet tat-tifel tagħha. 

Id-Direttur Ġenerali minn naħa tiegħu sostna li Yvonne  kienet involuta f’żewġ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà li b’konsegwenza tagħhom hija eċċediet il-limitu tal-kapital għal persuna singola li hu ta’ €14,000, u saħaq li għalhekk l-appell tagħha quddiem l-Arbitru għandu jiġi miċħud peress li hija kienet eċċediet il-limitu tal-kapital stabbilit bil-liġi.  Id-direttur ippreżenta kopja tar-rapport investigattiv li tħejja mill-Ispetturi tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, minn fejn jirriżulta li saret investigazzjoni dwarha fid-dawl ta’ informazzjoni miksuba fuq benefiċjarji tal-Għajnuna Soċjali minn ġenituri waħedhom, fir-rigward ta’ imgħaxijiet bankarji li tħallsu lilha matul l-2017.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ġie a konjizzjoni tal-fatt li matul l-2017, Yvonne rċeviet imgħaxijiet bankarji fl-ammont ta’ €179.39. Mill-investigazzjoni li saret mid-Dipartiment, irriżulta li l-appellata kienet involuta f’żewġ transazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ proprjetà, wieħed fis-17 ta’ Marzu, 2016, b’valur ta’ €90,000, fuq proprjetà f’Ħal Balżan fejn hi rċeviet sehemha ta’ €18,000 mill-bejgħ ta’ din il-proprjetà, u ieħor fir-rigward tal-bejgħ ta’ dar bl-arja tagħha f’Ħal Qormi, liema proprjetà nbiegħet bil-prezz ta’ €165,000, għalkemm id-Direttur Ġenerali spjega li mhux magħruf is-sehem tal-appellata minn din il-proprjetà kemm hu. Jirriżulta wkoll li sal-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2018, Yvonne kellha l-ammont ta’ €11,636.70 iddepożitati fil-kontijiet bankarji tagħha, sabiex b’hekk id-Direttur Ġenerali wasal għall-konklużjoni li bil-bejgħ ta’ dawn il-proprjetajiet, Yvonne spiċċat b’kapital li jeċċedi l-€14,000 stabbilit mil-liġi.

Minn dan ir-rapport jirriżulta li meta l-uffiċjali tad-Dipartiment tkellmu ma’ Yvonne, din ma ċaħditx li hija kienet involuta fil-bejgħ ta’ żewġ proprjetajiet, u qalet li mit-€18,000 li messew lilha wara l-bejgħ ta’ proprjetà fl-2016, hija tat nofs il-flus lil binha Daniel. Hi spjegat lill-Ispetturi tad-Dipartiment li binha jbati mill-kundizzjoni tal-awtiżmu. B’riferenza għat-tieni bejgħ li sar fl-2018, Yvonne qalet lill-Ispetturi tad-Dipartiment, li l-bejgħ kien jinvolvi madwar erbgħin koproprjetarju, u li minn dan il-bejgħ hija messha biss madwar €2,000. Irriżulta li l-anzjana daħħlet total ta’ madwar €23,000 minn dawn iż-żewġ transazzjonijiet. L-Ispetturi tad-Dipartiment ikkonkludew li l-appellata naqset milli tiddikjara kapital li ġie fil-pussess tagħha, li jeċċedi l-iskala stabbilita fil-Kap. 318. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, saret rakkomandazzjoni li d-Dipartiment jieħu kull azzjoni neċessarja sabiex jissospendi l-ħlas tal-benefiċċji lilha, filwaqt li jiġbor kull pagament li sar lilha mis-17 ta’ Marzu, 2016 ’il quddiem. 

L-Arbitru kien konvint u ddeċieda li l-anzjana tat  il-flus tagħha favur binha biex tibqa’ tiggwadanja servizzi soċjali. Dak li għamlet għamlitu għax hekk kienu l-bżonnijiet finanzjarji mediċi ta’ binha.  Fuq dan l-isfond l-Arbitru qed jilqa’ l-appell u jiddikjara bħala null id-deċiżjoni in mertu meħuda mid-Direttur fit-28 ta’ Novembru, 2019. 

Id-Direttur Ġenerali ressaq appell minn din id-deċiżjoni u talab lill-Qorti biex tirrevoka u tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Arbitru fis-26 ta’ Awwissu, 2021. Id-Direttur Ġenerali qal li l-anzjana tippreġudika l-pożizzjoni tagħha meta għaddiet ammont ta’ flus mir-rikavat tal-bejgħ ta’ dawn il-proprjetajiet lit-tifel tagħha, minflok ma żammet dan il-kapital għaliha nnifisha sabiex tkun tista’ tgħix ħajja komda mingħajr il-ħtieġa li tiddependi fuq l-għajnuna tal-Istat biex tagħmel dan.

Id-Direttur Ġenerali qal li l-fatt li iben l-anzjana għandu kundizzjonijiet mediċi, ma kellux iwassal lill-anzjana biex tiddisponi minn ġidha billi tagħti donazzjoni lil binha, għax meta għamlet hekk hi rrendiet lilha nnifisiha fil-bżonn tal-għajnuna mill-Istat. Hu saħaq li din mhijiex l-imġiba ta’ bonus paterfamilias, partikolarment meta jirriżulta li binha diġà qiegħed jirċievi l-għajnuna mill-Istat, u jekk l-appellata kienet f’pożizzjoni li tgħaddi ammont ta’ flus lil binha adult, dan ifisser li hija stess mhijiex fil-bżonn tal-għajnuna soċjali. 

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li tagħraf li l-anzjana hija persuna li għaddiet minn ħafna tbatija matul ħajjitha, minħabba l-mard tagħha u tal-uniku wild tagħha. Waqt it-trattazzjoni li saret quddiem din il-Qorti, ingħad li l-anzjana hija persuna li ta’ kuljum ikollha bżonn tagħmel diversi spejjeż sabiex tkampa mal-kundizzjonijiet li għandha. Mill-provi jirriżulta wkoll li l-uniku iben huwa persuna b’diżabilità severa, li ma jgħix ħajja indipendenti, u li ilu diversi snin jitrabba minn zijiet u kuġini tiegħu. Kien għalhekk li hi ħadet ħsieb tiddepożita somma flus fil-kont bankarju ta’ binha, bil-ħsieb li dawn il-flus ikunu jistgħu jintużaw għat-terapija u l-għajnuna medika li binha jingħata fuq bażi kontinwa, u sabiex trodd lura parti mill-ispejjeż li għamlu l-qraba tagħha tul is-snin li ilhom jieħdu ħsieb ta’ binha. 

Il-Qorti qalet li hu veru li din il-Qorti ħafna drabi ttendi li tapplika t-test tal-liġi b’mod rigoruż, bl-intendiment li l-ispirtu tal-liġi jiġi mħares, jitnaqqas l-abbuż mis-sistema ta’ ħlasijiet ta’ benefiċċji soċjali, u jiġi assigurat li l-għajnuna soċjali tibqa’ tingħata biss lil min verament għandu bżonn l-għajnuna tal-Istat sabiex ikun jista’ jkompli bil-ħajja ta’ kuljum. Imma dan il-każ partikolari iżda, ipoġġi quddiem il-Qorti l-ħtieġa li jinstab ekwilibriju u sens ta’ proporzjonalità bejn l-intendiment tal-leġislatur min-naħa l-waħda, u r-realtà soċjali li jinsabu fiha persuni bħal din l-anzjana  min-naħa l-oħra. 

Din il-Qorti hija tal-fehma li d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tammonta għal sanzjoni bil-wisq drakonjana fil-konfront tal-anzjana u dan għax minħabba li messitha s-somma ta’ €23,000 mill-bejgħ ta’ żewġ proprjetajiet, hija sejra ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn ser ikollha trodd lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali ammont ta’ flus li huwa ferm aktar minn hekk, partikolarment għax hija ġiet infurmata li ser jinqatgħulha l-benefiċċji u l-intitolamenti kollha li kienet eliġibbli għalihom, inkluż il-pensjoni tal-età u l-għajnuna għall-mard li kienet tirċievi. 

 Il-Qorti temmen li f’dan il-każ tkun qiegħda tagħmel inġustizzja kbira mal-anzjana li kieku kellha tilqa’ t-talbiet tad-Direttur Ġenerali li  l-Arbitru naqas milli japplika l-liġi b’mod korrett. Il-Qorti tfakkar li l-Arbitru huwa obbligat jiddeċiedi każijiet ta’ din ix-xorta skont il-prinċipju tal-ekwità, 

Il-Qorti, wara li qieset il-provi kollha prodotti u żammet f’moħħha d-dimensjoni umana u soċjali ta’ każ bħal m’huwa dan, hija tal-fehma li d-deċiżjoni tal-Arbitru m’għandhiex tiġi rrevokata. Ċertament li l-Qrati jridu jkunu sensittivi għal ċerti realtajiet iebsa u diffiċli tal-ħajja, partikolarment f’sitwazzjonijiet fejn il-liġi tagħti l-fakultà li deċiżjoni tkun aktar imsejsa fuq il-kuxjenza tal-ġudikant milli fuq it-test strett tal-liġi.

Il-Qorti tifhem ukoll l-pożizzjoni tad-Direttur Ġenerali li jrid jaqdi bl-aħjar mod il-funzjonijiet tiegħu ta’ għassies tal-erarju pubbliku u tal-fondi fdati lilu, iżda din il-funzjoni irid jaqdiha mingħajr ma jinsa li wara deċiżjoni li tingħata fuq il-karta, hemm realtajiet umani li jistgħu jissarrfu f’ħafna tbatija għall-persuni milquta b’dik id-deċiżjoni. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti sejra tikkonferma d-deċiżjoni tal-Arbitru, filwaqt li tiċħad l-appell tad-Diettur Ġenerali. 

Ekonomija

Sport