Thursday, November 14, 2024

Tberik tad-dgħajjes u tal-bastimenti tas-sajjieda għall-istaġun tal-lampuki

Aqra wkoll

It-Tlieta filgħaxija fix-xatt ta’ Marsaxlokk, kif inhi t-tradizzjoni, saret quddiesa u ċelebrazzjoni tat-tberik tad-dgħajjes u tal-bastimenti, mill-Kappillan Fr Luke Seguna. Dan biex iġib ir-risq lis-sajjieda għal staġun tajjeb fil-qabda tal-lampuki. Għal din l-attività attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

Bosta sajjieda f’Malta u f’Għawdex dan iż-żmien ikunu qed iħejju l-kannizzati bil-weraq tal-palm. Din it-teknika hija l-aktar li tintuża mis-sajjieda Maltin billi l-lampuka tgħum viċin il-wiċċ ta’ baħar fond u tfittex id-dell tal-kannizzati tas-sajjieda. It-teknika ġiet żviluppata mis-sajjieda Maltin stess.

L-istaġun tal-lampuki jibda fil-15 ta’ Awwissu u jibqa’ għaddej sal-aħħar tas-sena. Preżentament, id-dgħajjes u l-bastimenti huma mgħobbija bil-kannizzati kif ukoll bil-ġebel, bil-palm u biċ-ċimi sabiex flimkien joħorġu ’l barra u jsorġu ċ-ċimi skont il-pożizzjonijiet li ġew ipprovduti lilhom mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura.

F’Malta u f’Għawdex hawn iktar minn 90 sajjied reġistrat għas-sajda tal-lampuki għal dan l-istaġun u għalhekk ikunu jistgħu jitfgħu l-kannizzati tagħhom biex fl-aħħar tal-ġimgħa jmorru jdawru ċ-ċimi għall-ewwel qabda tas-sena.

Dawn it-tradizzjonijiet huma marbuta mal-kultura u mal-identità tagħna. Fix-xahar ta’ Awwissu, kemm il-familji kif ukoll l-imprendituri tar-ristoranti jkunu qed jistennew biex iduqu u jservu l-lampuki għall-ewwel darba. Il-ħidma tas-sajjieda Maltin u Għawdxin għandha tkun ferm apprezzata, mhux matul dan l-istaġun biss, iżda mas-sena kollha.

Ekonomija

Sport