Friday, October 18, 2024

Team BOOM  iċ-champions il-ġodda tal-BOV Premier League fil-Bowling

Aqra wkoll

B’ġimgħatejn qabel it-tmiem tal-kampjonat, Team BOOM ġie iddikjarat bħala ċ-Champions il-ġodda tal-BOV Premier League u għalhekk issa huma jistgħu jkunu meqjusin bħala l-aqwa tim tal-bowling f’Malta.

F’dan il-format tal-kampjonat, għaxar mill-aqwa timijiet fil-Malta Bowling Association (MBA) kull ġimgħa jikkompetu kontra xulxin, u l-punti li jiggwadanjaw f’kull partita jiġu deċiżi f’serje ta’ 3 logħbiet. Kull partita, skont ir-riżultati finali, tiddistribwixxi 8 punti bejn iż-żewġ timijiet. L-għaxar timijiet jaffaċċjaw lil xulxin darbtejn fuq total ta’ tmintax-il ġimgħa fuq żewġ rawnds ta’ matchplay.

Team BOOM huwa mmexxijin mill-elite plejer Mark Spiteri, filwaqt li l-bqija tal-iskwadra hija magħmula minn grupp ta’ żgħażagħ li jikkowċja – dawn huma Miguel Xuereb, Julian Baldacchino, Shaun Montanaro, Ruslana Grima, u Damian Pisani, għalkemm fil-maġġorparti tal-partiti, li jintlagħbu 4v4, iktar lagħabu l-ewwel ħames plejers imsemmija f’rotazzjoni. Teknikament, l-iskwadra hija wkoll immexxija mill-bowler Miguel Xuereb, li jilgħab b’żewġ idejn. F’dan il-kampjonat, kemm Spiteri u Xuereb għandhom skor medju ta’ 200. Madankollu, il-membru żgħażugħ tagħhom Julian Baldacchino bħalissa jżomm ir-rekord tal-għola logħba fl-istaġun, bi skor ta’ 279.

Fis-sittax-il ġimgħa, it-tim ta’ BOOM iddominaw il-klassifika b’rata ta’ rebħ ta’ 85.2%. Din hija rebħa ferm sodisfaċenti għat-tim li spiċċa fil-ħames post fl-istaġun preċedenti, b’rata ta’ rebħ ta’ 58.3%.

Team BOOM irnexxielhom jissiġillaw it-titlu tal-kompjonat qabel it-tmiem tiegħu billi marru bla telfa fl-ewwel 14-il partita tagħhom; fost dawn, Team BOOM rebħu 13-il partita, għelbu liċ-champions OKMALTA.com darbtejn, u akkwistaw draw darba. S’issa, l-unika telfa li kellhom ġiet fil-ħmistax-il ġimgħa, kontra Team Brunswick (li f’din il-ġimgħa kien jinsab fit-tielet post), li hu mmexxi mill-elite bowlers Nicolai Mallia, Sue Abela u Kayden Laganà.  

Bħalissa, OKMALTA.com u Team Brunswick huma l-eqreb żewġ timijiet ma’ Team BOOM fil-klassifika u huma jinsabu bl-istess ammont ta’ punti wara 16-il ġimgħa b’88 punti kull wieħed. Iżda, b’żewġ logħbiet u bis-16-il punt li għad biss jistgħu jintrebħu, iż-żewġ timijiet ma jistgħux jilħqu lil Team BOOM, li diġà akkwistaw 109 punti.

Sport