Team GG Polo rebaħ il-Berlin Banderberg Cup wara li għeleb lil Team Remissa 7-5 f’erba’ chukkas ferm interessanti u bilanċjati li ntlagħbu fil-Malta Equidrome.
Il-bidu kien ferm bilanċjat speċjalment fl-ewwel żewġ chukkas sabiex minn hemm ‘l hemm GG Polo ħadu r-riedni f’idejhom biex rebħu dan il-konfront.
Protagonista għat-tim rebbieħ kien Greg Gera li skorja xejn inqas minn ħames gowls b’Ivan Camilleri u Bex Gera li żiedu tnejn oħra.
Team Remissa kellhom lil Jeremy Besancon awtur ta’ tliet gowls b’Petra Vella u Emma Aquilina li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
GG Polo kienu magħmula minn Greg Gera, Simon Psaila, Ivan Camilleri u Bex Gera filwaqt li Team Remissa kellhom lil Jeremy Besancon, Matthew Borg, Petra Vella u Emma Aquilina.
L-Umpire għal din il-logħba kien Gaston Etcheberry bit-tielet uffiċjal li kien Philip Wismayer.
Dan l-avveniment ġie organizzat mill-Malta Polo Club u sar bl-appoġġ ta’ EquestriMalta.