Il-Prestazzjoni ta’ Team Malta fil-European Youth Olympic Festival (EYOF) tat riżultati inkoraġġanti, li tikkonferma mill-ġdid l-istrateġija tal-Kumitat Olimpiku Malti fuq l-iżvilupp fit-tul. Din l-istrateġija qed jittrasforma l-atleti minn sempliċi parteċipanti għal kompetituri li joffru sfida tajba f’avvenimenti internazzjonali ta’ livell għoli.
Malta fetħet il-kampanja tagħha bi prestazzjonijiet tajba fl-ewwel rawnds tal-atletika. L-atleta, li ġarret il-bandiera Maltija fiċ-ċerimonja tal-ftuħ, Thea Parnis Coleiro avvanzat għas-semi-finali tal-100m wara wirja sodisfaċenti fil-heats. Għalkemm ma għaddietx għall-fażi li jmiss f’din id-dixxiplina, wettqet wirja impressjonanti fil-200m – għaddiet mill-heats sal-finali u reġistrat riżultat ta’ 24.06 sekondi fis-semi-finali. Dan huwa rekord nazzjonali ġdid kemm fil-kategoriji U18 kif ukoll U20. Parnis Coleiro spiċċat fis-6 post fit-tellieqa finali.
Il-plejer tal-badminton, li flimkien ma Parnis Coleiro ġarr il-bandiera Maltija fiċ-cerimonja tal-ftuħ, Jeremy Gatt ta wirja mimlija spirtu fil-fażi tal-gruppi, fejn rebaħ żewġ logħbiet minn erbgħa. Huwa wera reżiljenza fil-konfront kontra Samuel Fodor mis-Slovakkja, fejn rebaħ 2-1 wara li tilef l-ewwel sett b’mod stret, u segwa b’rebħa f’żewġ sets kontra Deeptanshu Toka min-Norveġja (21-17, 21-16). Minkejja l-isforzi tiegħu, Gatt tilef kontra l-avversarji b’saħħithom. Hu tilef 2-0 ma’ Maxi Kaufmann mid-Danimarka u ma Zisis Pegios mill-Greċja. Gatt temm il-fażi tal-gruppi fit-tielet post.
It-Taekwondo, li għamel id-debutt tiegħu f’dawn il-Logħob, ra lil Malta tipparteċipa b’żewġ atleti. Michela Scerri bdiet b’mod tajjeb fejn rebħet kontra Mei Hui Liu (Awstrija) bl-iskor ta’ 2-0 fl-ewwel rawnd. Aktar tard, ffaċċjat lil Nur Yilmaz mit-Turkija – avversarja b’aktar esperjenza – u tilfet b’scor ta 2-0. Fil-kategorija –63kg, Alycia Cassar affaċċjat lil Viktoria Rucinski mill-Ġermanja. Cassar tilfet b’żewġ sets (2-0), u b’hekk temmet il-kompetizzjoni tagħha fl-ewwel rawnd.
Fil-ġinnastika, Sophie St. John — li kienet għadha kif kisbet suċċess fil-GSSE f’Andorra — kellha wirja konsistenti fl-avveniment All-Around f’Osijek. Hija kisbet 9.800 fuq il-Uneven Bars, 12.550 fuq il-Balance Beam, 12.050 fuq il-Floor Exercise, u 12.650 fuq il-Vault, u spiċċat fis-26 post minn 97 atleta b’total ta’ 47.050 punti. Il-prestazzjoni tagħha fuq il-Balance Beam kienet biżżejjed biex tikseb post fil-finali, fejn ikklassifikat fis-7 post.
Il-prestazzjoni ta’ Malta fl-EYOF turi pass pożittiv fl-iżvilupp fit-tul tal-atleti. L-atleti Maltin wrew li l-progress jeħtieġ żmien — u investiment konsistenti — iżda r-riżultati issa qed jibdew jintwerew.
“Il-kisba tal-eċċellenza ma sseħħx mil-lejl għan-nhar, iżda l-approċċ tagħna fit-tul għall-iżvilupp ta’ atleti elite qed jibda jagħti l-frott,” qalet Charlene Attard, Direttur tal-Isport u Chef de Mission għall-EYOF. “Dawn il-Logħob huma ta’ livell eċċezzjonali, u jilqgħu fihom champions żgħażagħ Ewropej u kif ukoll atleti Olimpiċi— minkejja l-età żgħira tal-parteċipanti. Rajna bidla ċara fil-mentalità: m’aħniex biss qed nipparteċipaw, imma verament qed nikkompetu.”
Il-European Youth Olympic Festival sar bejn l-20 u s-26 ta’ Lulju f’Skopje, il-Maċedonja, u Osijek, il-Kroazja, u laqa’ aktar minn 4,000 atleta ta’ bejn l-etajiet ta’ 14 u 18-il sena minn 50 pajjiż differenti, li kkompetew f’15-il dixxiplina sportiva. Malta kienet rappreżentata fl-Atletika, Ġinnastika Artistika, Badminton u Taekwondo.