Il-Malta FA se tkun qed tinkludi team biex jieħu sehem fil-UEFA Regions Cup. Il-kompetizzjoni tinvolvi timijiet minn 35 assoċjazzjoni nazzjonali li se jikkompetu fi tmien mini-tournaments f’post wieħed. Kull rebbieħ tal-grupp imbagħad jikkwalifika għat-tournament finali f’Ġunju 2023.
Il-kompetizzjoni terġa’ lura wara l-kanċellazzjoni tal-edizzjoni 2020/21 minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-aktar edizzjoni riċenti saret fl-2018/19, meta l-Pollakki ta’ Dolny Śląsk rebħu l-finali u t-tieni titlu kontra l-ospiti Ġermaniżi Bavaria. Iż-żewġ selezzjonijiet se jerġgħu jkunu involuti fl-edizzjoni ta’ din is-sena.
Malta ttellgħet fi Grupp 8, bi Split (Kroazja), Belgrad (Serbja), u RAT mill-Ukrajna.
It-team se jkun immexxi mill-Coach Alfred Attard, bħalissa Direttur Tekniku ta’ Sliema Wanderers FC. Huwa se jkun assistit minn Clint Tabone, li bħalissa qed iservi bħala Head Coach tan-Nursery ta’ Ħal Lija/Iklin. L-ex player u amministratur tal-football ta’ esperjenza Kevin Mifsud se jkun it-Team Manager. Il-Malta FA se tkun qed tappoġġja mal-membri tal-istaff tal-Malta FA f’termini ta’ setup tat-team.
Il-players li se jkunu qed jagħmlu l-għażla ta’ Malta se jintgħażlu minn fost plejers bi status ta’ dilettanti miċ-Challenge League, National Amateur League u Gozo League.
L-ewwel sejħa se tinħareġ il-ġimgħa d-dieħla sakemm issir l-għażla finali qabel it-tournament.
It-tournament se jsir f’Zadar, il-Kroazja u t-tliet partiti ta’ Malta huma kif ġej: 28 ta’ Settembru (MD1), 1 ta’ Ottubru (MD2), 4 ta’ Ottubru (MD3).