Sunday, October 26, 2025

“TEATRU POLITIKU U DIPLOMATIKU” … EŻERĊIZZJU LI INTUŻA GĦAL TRIJONF PERSONALI

Aqra wkoll

Sentejn ta’ attakki kontinwi f’Gaża u proprju fi żmien l-anniversarju mindu bdew l-attakki, jitħabbar b’ħafna pompa li kien intlaħaq ftehim. Dan sar meta Gaża, ġiet litteralment midħuna. Filmati u ritratti juruk ħerba sħiħa ta’ terrapien u borġ ġebel. Filfatt hu kkalkulat li madwar 90 fil-mija tad-djar inqerdu.

Fil-bidu kienu ppruvaw ibellgħuliena meta saret kritika li ntlaqtu residenzi, skejjel jew sptarijiet, li l-attakki kienu qegħdin isiru fuq qagħdiet u bażijiet tal-Ħamas. Hekk qalulna. Illum il-filmati u ritratti juru x’seħħ. Qerda totali. Din turik eżattament x’kien l-għan tal-attakki. Dak li Gaża tinkines. Li tinqered.

U mal-qerda tal-bini, kien hemm il-prezz uman. Kważi 70,000 persuna ħafna minnhom tfal, nqatlu b’riżultat tal-attakki. Aktar minn 160,000 persuna spiċċaw feruti. Minn popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 2 miljun persuni, 1.9 miljun persuna kellhom jitilqu minn djarhom. Il-popolazzjoni kollha spiċċat fi kriżi ta’ ġuħ. 270 ġurnalist spiċċaw maqtulin. Dan apparti tbatijiet oħra.

U metą Gaża kważi inqerdet għal kollox, liema attakki bdew wara l-attakk infami mill-Ħamas, bħal sajjetta fil-bnazzi smajna li ntlaħaq ftehim. Smajna stqarrijiet assurdi mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Rajna teatrin politiku u diplomatiku sħiħ. Qalilna li “temm seba’ gwerer,” – il-kunflitt bejn il-Kambodja u t-Tajlandja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Rwanda, il-Pakistan u l-Indja, il-Kosovo u s-Serbja, l-Iżrael u l-Iran, l-Eġittu u l-Etjopja, u l-Armenja u l-Ażerbajġan.

It-teatru politiku u diplomatiku tal-waqfien mill-ġlied ta’ Trump f’Gaża mhuwiex uniku. Teatru ibbażat biss fuq kunsiderazzjoni waħda – dik li jimbotta kemm jista’ trijonf personali u dan anke biex jalejna mis-sitwazzjoni xejn sabiħa li għandu f’pajjiżu bi protesti kbar u b’tensjoni ma’ taqta’ xejn fil-persekuzzjoni li għaddejja mill-forzi tal-ordni fuq il-ħaddiema immigranti.

Dakinhar tal-ftehim smajna dikjarazzjonijiet prematuri bħal “missjoni mwettqa” u ottimiżmu esaġerat. Dan għax l-esperjenza ta’ ftehim ta’ paċi dejjem urietna kemm hemm bżonn rettezza u dettalji preċiżi biex ma jkunx hemm interpretazzjonijiet.

Dan il-ftehim kien nieqes minn dan. Kien ftehim li mal-ewwel analiżi tiegħu tinduna kemm hu dgħajjef, speċjalment għall-kunflitt bħal dak tal-lvant nofsani li ilu snin twal għaddej.

Ir-realtà urietna dan. Mindu daħal fis-seħħ twettqu attakki ġodda. 100 Palestinjan u 230 persuna sfaw feruti wara l-ftehim minħabba attakki ġodda. Ejja ngħiduha kif inhi, ftehim ta’ paċi biex iżomm u dan narawh mix-xejriet tal-istorja, irid ikun hemm il-fiduċja. Trid tkun temmen f’dak il-ftehim. Ma tistax tkun sfurzat, ippressat jew imġiegħel taċċetta ftehim minħabba ċirkostanzi partikolari. Ftehim hekk ma jaħdmux. Iservi biss għal waqfa qasira.

Minkejja l-pompa li bih ġie imbuttat dan il-ftehim, wara biss ftit jiem, erġajna rajna attakki qawwijin mill-forzi ta’ Netanyahu. Dak li ġie ppreżentat minn Trump bħala trijonf tad-diplomazija kien fir-realtà, pawża dgħajfa ħafna. Kien ftehim li issa hu kkonfermat li la waqqaf il-qtil u lanqas ma solva l-bżonnijiet umanitarji ta’ persuni ċivili f’Gaża.

U issa għandna sitwazzjoni inkwetanti mmens. Minkejja dan is-suppost ftehim issa l-attakki qegħdin ikomplu taħt l-iskuża tat-trażżin tar-reżistenza. M’hemm ebda d-dubju li quddiem dak li għaddej, l-attakki u l-immaġini ta’ nies u tfal mejtin, id-dikjarazzjonijiet ta’ paċi jew ‘waqfien mill-ġlied’ jinstemgħu vojta għall-aħħar. Jinstemgħu redikoli.

U dan seħħ għax dan is-suppost ftehim kien ibbażat fuq teatru tad-diplomazija. Kien ftehim ibbażat fuq inizjattiva li l-għan tagħha kien li l-Istati Uniti u l-President Trump jieħdu krettu tiegħu. Kienet inizjattiva egoista, nieqsa mis-sustanza li b’responsabbilità ngħidu li għan tagħha ma kienx dwar it-tmiem tat-tixrid tad-demm, iżda biss dwar it-tħejjija biex tiġi maħluqa sitwazzjoni li inħolqot ‘rebħa’.

Biex tidher li saret rebħa għall-Istati Uniti u għall-gvern ta’ Netanyahu.
U meta tisma id-dikjarazzjonijiet ta’ ‘rebħa’ ma tistax ma tistaqsix. Rebħa għax tħalla massakru sħiħ f’Gaża? Rebħa għax intilfu tant ħajjiet innoċenti ta’ tfal u ċivili oħrajn? Rebħa għax eluf ta’ nies tħallew diżabbli?

Infakkru li Iżrael u l-Ħamas iffirmaw waqfien mill-ġlied fis-sena 2008, fis-sena 2012, fis-sena 2014, fis-sena 2019, u fis-sena 2021. Dawn imma kollha fallew. Is-suppost ftehim ta’ l-aħħar jiem jidher destinat f’din id-direzzjoni. Għax meta wara ftehim ta’ paċi jew waqfien mill-ġlied, nisimgħu minn naħa jew minn oħra dikjarazzjonijiet ta’ theddid, ritaljazzjoni flimkien ma’ teatrini diplomatiċi biex xi ħadd jidher li rebaħ, ir-riżultat ikun il-falliment ta’ dak is-suppost ftehim.
U dan il-ftehim fih għoxrin punt.

Meta taqrah se ssibu nieqes mis-sustanza. Se tinduna li hu ftehim dgħajjef. M’hemm ebda dubju li ftehim ta’ paċi li jkun laxk, li faċilment jagħti lok għal interpretazzjonijiet kemm lil naħa u kemm lil oħra, ikunu f’riskju kbir li jispiċċaw falliment. Ftehim li hu nieqes minn strutturi ta’ responsabbilità, minn mekkaniżmi ta’ infurzar tal-istess paċi u skedi ta’ żmien.

Ma’ nistgħux ma nirrimarkawx kif minkejja dan il-ftehim, anki fix-Xatt tal-Punent rajna żieda fit-tensjoni. Paċi għal tul ta’ żmien tintlaħaq biss jekk jintwera impenn għall-ħajjiet ta’ dawk affettwati mill-istess kunflitt, li jkun hemm fiducja bejn iż-żewġ naħat. Li jkollok ftehim intiż għal teatru diplomatiku u politiku, biex xi ħadd jiskorja l-punti, – biex jieħu krettu, ma jwassalx għall-paċi.

Il-paċi tinkiseb b’ħidma bil-kwiet, b’nies li ħafna drabi jaħdmu minn wara l-kwinti, b’ħidma li tinbena biċċa biċċa. Kollox kien ippjanat u t-teatru diplomatiku u politiku ħalla l-frott għax l-appoġġ fuq kif Trump mexa dwar il-lvant nofsani, tela’ minn 30 fil-mija f’April għal 47 fil-mija wara l-ftehim.

Minkejja dan, internazzjonalment qegħdin naraw movimenti mad-dinja kollha li qegħdin jipprotestaw u jieħdu azzjonijiet oħra favur il-kawża Palestinjana. Qegħdin naraw attiviżmu jikber u s-solidarjetà tissaħħaħ. Rajna anke ħaddiema bħal dawk tal-portijiet jieħdu azzjonijiet diretti. M’hemm ebda dubju li l-internazzjonalizzazzjoni tal-kwistjoni ta’ Gaża jistħoqqilha li tissaħħaħ.

Dan biex tittieħed azzjoni b’saħħitha. L-attakki jieqfu kompletament. Tidħol l-għajnuna li hemm bżonn, kemm f’ikel, mediċini u affarijiet oħra. Ma’ dan jinbena l-proċess biex it-terrapien li llum hemm f’Gaża, jinbidel billi Gaża tinbena mill-ġdid. Dan ma jistax isir bit-teatrini imma b’rieda ferma u fiduċja, li tieqaf darba għal dejjem din it-tbatija umana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport