Saturday, December 21, 2024

Teatru Ukren użat biex jistkennu nies ċivili jisfa bbumbardjat

Aqra wkoll

L-Ukrajna qiegħda takkużi lill-forzi Russi li wettqu bumbardament fuq teatru fejn nies ċivili kienu qegħdin jistkennu mill-offensiva Russa li għaddejja fil-belt ta’ Mariupol. Id-Deputat Maġġur Sergei Orlov, meta kien qiegħed jitkellem ma’ BBC, qal li bejn 1,000 u 1,200 persuna kienu qegħdin jingħataw refuġju ġewwa din il-binja. Min-naħa tiegħu, Membru Parlamentari Ukren minn Mariupol qal li s’issa mhux magħruf kemm intlaqtu persuni f’dan il-bumbardament, iżda tenna li fortunatament iż-żona fil-binja fejn kienu qed jistkennu n-nies ċivili ma sofrietx ħsarat. Huwa għalhekk qal ma’ BBC li, “jidher li l-maġġoranza ħelsuha ħafif.”

Minkejja dan, il-konsulnent għas-sindku ta’ din il-belt qal li l-ħaddiema tas-salvataġġ qed isibuha diffiċli biex jaslu sa dan it-teatru u dan minħabba li r-Russja qiegħda twettaq bumbardament kontinwu. Ritratti tat-teatru, li ġew ivverifikati minn BBC, juru l-ħsara estensiva li ġarrbet din l-istruttura. Din mhix l-ewwel darba li bumbardamenti Russi laqtu bini ċivili hekk kif ftit tal-jiem ilu ntlaqat sptar tal-maternità kif ukoll knisja u kumpless ta’ appartamenti.

Stqarrija maħruġa mill-Ku­nsill ta’ Mariupol kienet tgħid li l-forzi Russi “b’mod deliberat kissru” t-teatru billi “b’ajruplan tefgħu bomba fuq din il-bija li fiha mijiet ta’ residenti ċivili ta’ Mariupol kienu qed jistkennu.” Kemm il-ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba u l-kunsill ta’ Mariupol qed jakkużaw lir-Russja “b’delitti tal-gwerra” dwar dan l-attakk.

Dwar dan tkellem ukoll il-President Ukrejn Volodymyr Zelensky fejn ikkundanna dawn l-bumbardamenti u qal li r-Russja wettqet dan l-attakk b’mod deliberat. Meta kien qiegħed jindirizza lill-poplu Ukrejn Zelensky qal li, “qalbna tinsab maqsuma b’dak li r-Russja qiegħda tagħmel liċ-ċittadini tagħna. Lil Mariupol tagħna.”

Ekonomija

Sport